Matul tmiem din il-ġimgħa ser jittella’ t-tmien edizzjoni tal-Beland Music Festival li ser jittella’ f’Misraħ is-Suq iż-Żejtun. Dan l-avveniment li sar parti mill-kalendarju kulturali ta’ pajjiżna ser jospita l-aqwa talent lokali b’artisti bħal Ira Losco, Owen Luellen, Klinsmann, Tenishia u DJ Ruby ser ikunu qegħdin jagħtu spettaklu sħiħ ta’ divertiment li ser jolqot il-gosti ta’ kulħadd.
Waqt din l-attività ser jittella’ l-konkors Beland Music. F’din il-kompetizzjoni ser ikunu qegħdin jieħdu sehem sitt bands ġodda li set ikunu qegħdin jikkompetu għall-Beland Music Award. Is-sena li għaddiet dan intrebaħ minn Kersten Graham. Il-qofol ta’ dan il-festival ser jintlaħaq b’kunċert mill grupp ġdid Mana Tapu li qed jirnexxilu jikseb suċċess kemm lokali u anke lil’hinn minn xtutna.
Dan il-festival qiegħed jittella’ bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti li qed jgħin għaqdiet bħas-Soċjetà Mużikali Beland sabiex itellgħu inizjattivi ta’ din ix-xorta. Intant il-Ministru tal-Kultura Owen Bonnici għamel żjara f’Misraħ is-Suq fejn segwa l-aħħar tħejjijiet li qegħdin isiru għal dan l-avveniment. Huwa fisser kif l-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti permezz tal-Culture Partnership Agreement qed ikun ta’ kontribut kbir għall-ghaqdiet dan hekk kif huma jistgħu jippjanaw in-nefqa fl-attivitajiet li jkunu ser jorganizzaw fit-tliet snin illi ġejjin.