Informazzjoni qarrieqa dwar LSEs li ser jitilfu l-impjieg – L-MUT | One News

Notifiki

Informazzjoni qarrieqa dwar LSEs li ser jitilfu l-impjieg – L-MUT

Fi stqarrija l-MUT saħqet li l-informazzjoni li waslet lil numru żgħir ta’ LSEs, li dawn ser jitilfu xogħlhom, hija totalment falza u qarrieqa. Dan għaliex il-bżonn ta’ LSEs qed ikompli jikber tant li kull min jgħaddi mill-interviews tal-LSEs mal-Gvern, Knisja jew skejjel indipendenti jidħol fl-impjieg fi ftit jiem. Il-bidliet li wħud irreferew għalihom, apparti li ġew amplifikati u interpretati ħażin, fil-verita’ ser iwasslu għal bżonn akbar u mhux inqas ta’ LSEs.

Fl-isqarrija żiedu jgħidu li hija qarrieqa wkoll l-informazzjoni li LSEs impjegati bħala supply ser jitilfu xogħolhom. Tant dan mhux minnu li l-MUT,  qed tinnegozja ftehim ġdid mal-Ministeru tal-Edukazzjoni sabiex in-numru ta’ LSEs impjegati fuq bażi supply ikunu jistgħu jieħdu impjieg regolari fix-xhur u s-snin li ġejjin.
L-MUT saħqet li huwa ċar li min qed ixerred din l-informazzjoni qarrieqa m’għandux għal qalbu l-LSEs u l-qasam edukattiv iżda jrid akkost ta’ kollox joħloq sensazzjonaliżmu u jipprova jieħu kapital personali minn kull sitwazzjoni anki billi jaghti informazzjoni qarrieqa.
Żiedet tgħid li din hija irresponsabbilta’ kbira u li l-MUT tistieden lill-membri tagħha sabiex ikomplu jinfurmaw irwieħhom bl-informazzjoni korretta minn sorsi kredibbli. Fl-aħħarnett, fl-istqarrija qalu li bħal ma diġa’ tinforma lill-membri b’mod regolari, l-MUT bħalissa qed taħdem fuq numru ta’ issues relatati mal-grad u ser tkun qed tkompli taġġornahom ġaladarba jkun hemm żviluppi.
Intant fi stqarrija, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol iċċara li lill-Learning Support Educators, studenti u ġenituri li s-servizz se jibqa jingħata.Il-Ministeru jikkonferma li fil-pjanijiet tiegħu għandu l-ingaġġ ta’ aktar LSEs, u mhux li jitnaqqsu jiġifieri l-ebda LSE mhu se jitlef l-impjieg tiegħu.

F’dawn l-aħħar sitt snin il-Gvern investa f’aktar rizorsi favur inklussivita, permezz ta’ aktar investivement infrastrutturali u rizorsi umani u dan se jitkompla fiż-żmien li ġej.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend