Il-Qorti tal-Appell illum tat raġun lil Jeffrey Pullicino Orlando fuq serje ta’ artikli li Daphne Caruana Galizia kienet ippubblikat dwaru bejn l-2010 u l-2016.
L-artikli, ħafna minnhom b’ritratti, kienu jagħtu dettalji dwar fejn u ma’ min kien jinsab Pullicino Orlando. Attivitajiet li ma kinux relatati mal-irwol pubbliku tiegħu.
L-Imħallef Anthony Ellul, iddikjara li, filwaqt li teżisti l-libertà tal-espressjoni, jeżisti wkoll il-jedd għall-privatezza.
Il-Qorti kkonkludiet li l-artikli m’huma xejn għajr gossip li jinteressaw biss lil min m’għandux x’jagħmel u għandu l-għatx dwar il-ħajja privata tan-nies.
B’din id-deċiżjoni l-Qorti ċaħdet l-appell tal-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data, li oriġinarjament kien ċaħad l-ilment li tressaq quddiemu minn Pullicino Orlando, għax qal li dan kien persuna pubblika, u li l-attivitajiet irrapportati kienu saru f’post pubbliku.