Fi ftit ġimgħat, id-Direttorat għat-Tindif ġabar 185 tunnellata ta’ skart illegali miż-żona industrijali ta’ Ħal Far. B’xorti ħażina, dan ir-rimi llegali kompla biex illum fl-istess żona qed isir tindif ta’ madwar 42 tunnellata oħra.
F’konferenza tal-aħbarijiet f’Ħal Far intqal li filwaqt li qed isir dan it-tindif, dan l-abbuż mhux qiegħed ikun aċċettat, u fl-aħħar jiem twaqqfu xi persuni li kienu qed jarmu llegalment, u fil-jiem li ġejjin mistennija jitressqu quddiem il-ġustizzja.
Id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni, Ramon Deguara, spjega li fl-ewwel ġimgħa ta’ Frar fiż-żona industrijali sar tindif ta’ 170 tunnellata skart. Biss tliet ġimgħat wara fl-istess żona nstabu 15-il tunnellata skart ieħor. U llum qed jinġabar madwar 42 tunnellata oħra.
Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Ministri Chris Cardona, Owen Bonnici, u s-Segretarju Parlamentari Deo Debattista, fejn ġie nnutat kif din iż-żona toffri l-għajxien għal mijiet ta’ ħaddiema. Żona li l-Gvern qed jaħdem biex jiġbed fiha l-aqwa investiment, u li mbad jittappan bl-aġir traskurat ta’ wħud li minflok jarmu skont il-liġijiet, jagħżlu li jiksru r-regoli u jkerrħu lil pajjiżna.