ARA: Pressjoni kbira bejn il-Captain u l-Coach | One News

Notifiki

ARA: Pressjoni kbira bejn il-Captain u l-Coach

L-amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, l-aktar is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli u l-Kap tal-Midja tal-Partit Pierre Portelli spiċċaw fil-mira ta’ kritika qawwija mill-għeruq tal-partit fil-bidu tal-kampanja elettorali li l-PN nieda fil-lejl ta’ bejn il-Ħadd u t-Tnejn li għadda.

Artiklu li deher fil-gazzetta Kullħadd spjega kif l-attakki kontra Puli u Portelli qegħdin isiru fid-Dar Ċentrali u gruppi magħluqa fuq il-midja soċjali. Puli u Portelli spiċċaw jiddefendu l-istrateġija tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, minħabba li huma l-perċimes fit-tfassil tal-kampanja elettorali. Dan filwaqt li d-Deputat Kap għall-Affarijiet tal-Partit Robert Arrigo ma kellux għażla oħra ħlief li joħroġ għonqu biex jiddefendi, u min-naħa l-oħra biex jikkalma l-irjus tal-għeruq u tat-tesserati tal-Partit li mhux qed jaqblu mal-istrateġija tal-Partit li minnhom Arrigo jrid ikompli jiġbor il-flus

L-artiklu jżid jgħid li Robert Arrigo ma felaħx lanqas għall-kritika tal-membri tal-għeruq, tant li f’wieħed mill-gruppi fuq il-midja soċjali kiteb hekk:

“saffar ir-referee… l-ewwel minuta tal-logħba sparaw b’senter lill-coach u captain.”  

Sorsi fid-Dar Ċentrali qalu lill-gazzetta li dawn l-attakki xejn ma niżlu tajjeb mal-Kap Adrian Delia, minħabba li se jkomplu jdgħajfuh meta suppost se jnaqqas id-distakk elettorali li hemm bejn il-Partit tiegħu u l-Partit Laburista.

Filwaqt li Puli u Portelli ddefendew l-ewwel messaġġi fuq il-billboards li ħareġ il-PN bla ma jagħtu widen, l-għajta fost il-membri tal-għeruq u t-tesserati kienet waħda: dik li l-poplu ddejjaq bin-negattiviżmu u li l-poplu jrid jisma’ proposti mingħand il-PN.

“Biddlu diska għax xbajna bl-istess… draw in-nies bil-korruzzjoni… ideat kif tgħinu għandna bżonn mhux tibqgħu l-istess.”

“Nerġgħu l-istess u n-nies ikomplu jobogħduna…komplu sejrin korruzzjoni u tkomplu titilfu n-nies.” 

Kien hemm Nazzjonalisti li wasslu l-messaġġ lil Clyde Puli li l-PN m’għandux għalfejn ikompli juża wiċċ il-Ministru Konrad Mizzi.

“Clyde Puli wiċċ Konrad qażżiżna… ilna snin issa għaddejjin bl-istess diska.”

Nazzjonalista oħra tkarrbet lis-Segretarju Ġenerali tal-PN biex jibda jisma’.

“Possibbli li wara żewġ tkaxkiriet kbar u oħra ġejja se nibqgħu għaddejjin bl-istess billboards? Għadkom ma indunajtux li l-maġġoranza tan-nies xebgħu jisimgħu? U mhux qed ngħid għan-Nazzjonalisti jew il-Laburisti bħalna imma l-floaters li jrebbħu u jtellfu elezzjoni. Proposti jridu mhux x’ħa Konrad u Keith u Deborah…Clyde Puli isimgħuna u tkomplux tinjorawna.” 

Hemm min hu aktar qalil fil-kritika tiegħu għall-messaġġ tal-korruzzjoni fuq il-billboard b’referenza għall-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono, li marret tiltaqa’ ma’ min kien ikkritikat mill-PN.

“Tagħmlu l-billboards bil-korruzzjoni li n-nies tqażżet u tatna tkaxkiriet u mbagħad membri għolja fil-partit jagħmlu laqgħat.” 

Ħafna tesserati u membri tal-għeruq tal-Partit appellaw biex dan jinvesti sew fil-messaġġi li għandhom jitwasslu fuq il-billboards, għaliex il-midja tal-partit ma jaraha ħadd.

“Il-billboards jarahom kulħadd. In-Net Le,” kien wieħed mill-messaġġi. “Clyde Puli, il-maġġoranza tan-nies ma jsegwux il-partit, u l-billboards huma mezz importanti kif wieħed jilħaqhom.”

Kritika oħra għall-istrateġisti tal-PN kien l-iżball fl-ortografija fl-ewwel billboard li ħareġ.

“…dawn l-iżbalji jġibuna nidhru amateurs żgur.” 

Għal din il-kritika kollha, uħud li huma ħaġa waħda mal-istrateġisti tal-PN, iżda jżommu profil baxxa meta jidrhilhm, appellaw għall-għaqda u biex kulħadd jimzi mal-istrateġija.

“Guys we need to unite, speak the same language, follow our leader and the administration, hit the same buttons and pass the message coming from above. Some trust does not hurt anyone. So let’s have faith in our strategists.” 

Dan il-messaġġ intqal minn persuna fdata ħafna min-nies li jikkontrollaw lil Adrian Delia, u jikkonferma l-firda fil-PN u l-isfiduċja li hemm fl-istrateġisti li qed imexxuh.

Is-sitwazzjoni fil-PN illum tant marret għall-agħar li anke tesserati li vvutaw lil Adrian Delia qed iħossuhom imwarrba.

“Dan m’għadux il-partit li tant inħobb u nħaddan. Jien rari ntella’ jew nikkummenta u meta tagħmilha jkun hawn min jgħidlek li mqabbad mil-Labour. Vera ddiżappuntat ħafna u bniedem iġibuh f’sitwazzjoni li lanqas tħalluh jesprimi l-opinjoni tiegħu. Daqshekk spiċċajna arroganti? Jien wieħed milli ridt lil Adrian Delia però hemm bżonn tagħmlu eżami tal-kuxjenza u taċċettaw kritika ġenwina mhux tkeċċu n-nies.”

Tesserata oħra stqarret:

“Kif sirna flok in-Nazzjonalisti joħorġu all out għal tal-Labour… joħorġu all out u jgħajru u jkeċċu n-Nazzjonalisti stess li tant il-partit għandu bżonn…kissirna lilna nfusna u dejjaqna lil kulħadd flok niġbru simpatija ma’ kulħadd.”

Kien hemm min qal li l-mod kif qed jimxu l-istrateġisti tal-PN jawgura għal tkaxkira elettorali oħra waqt li din it-tesserata qalet ukoll li anki theddid irċeviet.

“Jien anke private messages kont nirċievi b’theddid… Jekk tikkritika xi ħaġa jgħajruk li postok mhux fil-grupp. Mhux ta’ b’xejn tkaxkira ikbar minn oħra. Komplu keċċu n-nies forsi xi darba naraw il-gvern.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend