Inħossni mweġġa’ meta nisma lill-Partit Nazzjonalista ifajjar kliem ta’ mibgħeda fil-konfront tal-barranin. Dan qalu Alexandre Pevac, raġel mis-Serbja li jgħix Malta u li qed jikkontesta l-elezzjoni tal-kunsilli lokali f’San Pawl il-Baħar u li tkellem waqt l-aħħar sessjoni tal-konferenza ġenerali annwali tal-Partit Laburista.
Fid-diskors tiegħu huwa fisser kif għażel li jikkonesta l-elezzjoni tal-kunsilli lokali għaliex iħoss li jrid jagħti xi ħaġa lura lil dan il-pajjiż.
Stqarr li jħossu sinjur bl-imħabba li joffrulu ċ-ċittadini Maltin, li fi kliemu ma jitrattawx bħala xi ħadd differenti minnhom.
Filwaqt li faħħar lill-Partit Laburista li għamel lil Malta aktar miftuħa u inklussiva għall-barranin, ħeġġeġ lill-komunita’ barranija ta’ pajjiżna biex tinvolvi aktar ruħha.
Żied jgħid li jrid li barranin oħra bħalu jħossuhom Maltin daqskemm iħossu hu u biex jiċċelebraw id-diversita u mhux jibżgħu minnha.
Fl-aħħar sessjoni tal-konferenza tkellmet ukoll Nikita Zammit Alamango li fid-diskors tagħha sostniet fuq l-importanza tal-irwol tan-nisa fis-soċjetà u appellat għad-dixxiplina fl-ambjent. Miriam Spiteri Debono, veterana fil-Partit Laburista tkellmet dwar il-kontinwazzjoni ta’ ġid li qed joħloq Gvern Laburista b’kuxjenza soċjali u aspirazzjonijiet kbar għal ħajja aħjar ta’ kull ċittadin.
Għamlu d-diskors tagħhom ukoll tliet żgħażagħ, Carlos Zarb, Naomi Cachia u Pearl Agius. Zarb li għandu sbatax-il sena esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-Gvern Laburista juri biċ-ċar li jemmen fiż-żgħażagħ. Naomi Cachia, l-President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti qalet li l-Partit Laburista huwa partit li qed jassigura li żgħażagħ li verament għandhom lil Malta għal qalbhom jimxu ‘l quddiem.
Pearl Agius li hija parteċipanta fil-programm LEAD tkellmet bi kburija dwar il-ħidma li qed issir mill-moviment Laburista favur l-ugwaljanza.
Tkellem ukoll Franco Mercieca li enfasizza l-ħidma li qed issir mill-Gvern Laburista fil-gżira Għawdxija u fisser kif valur importanti li għandu l-moviment Laburista huwa dak tal-onesta.
Fid-diskors tiegħu, l-President tal-Partit Laburista, Daniel Micallef tkellem partikolarment dwar il-ħidma li jeħtieġ issir fil-qasam tal-ambjent. Qal li din hija l-isfida ewlenija li għandu l-pajjiż illum u għada iżda jemmen li rridu nkunu aħna stess il-katalisti li negħlbu din l-isfida. Stqarr li jemmen li l-Prim Ministru Joseph Muscat qatt mhu se jasal jieħu deċiżjoni li tweġġa lil poplu jew lill-partit u appella għall-għaqda.