Riġenerazzjoni ta’ Pjazza San Franġisk fil-Belt Victoria – One News

Notifiki

Riġenerazzjoni ta’ Pjazza San Franġisk fil-Belt Victoria

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret li ngħata bidu għall-proġett ambizzjuż tar-riġenerazzjoni ta’ Pjazza San Franġisk fil-qalba tal-Belt Victoria.

Dan il-proġett, li ilu mwiegħed snin imma issa qed jingħata bidu, hu stmat li se jiswa madwar €3 miljun u dan grazzi għax pajjiżna qed f’qagħda ekonomika b’saħħitha u qed jiġġenera surplus wieħed wara l-ieħor, qalet il-Ministru Justyne Caruana. Irrimarkat li din il-pjazza hi t-tieni proġett ta’ riġenerazzjoni li embarka fuqu l-Ministeru wara dak ta’ Pjazza San Ġwann il-Battista fix-Xewkija, liema proġett jinsab fi stadju avvanzat. Il-Ministru Caruana qalet li qed isiru wkoll il-preparamenti biex jiġi ppubblikat l-abbozz biex issir ukoll Pjazza Santa Margerita f’Ta’ Sannat biex b’hekk tliet pjazez ewlenin f’Għawdex jingħataw dehra isbaħ.

Il-Ministru Caruana qalet li dan il-proġett issa se jikkumplimenta l-proġett tat-Taraġ ta’ San Franġisk kif ukoll iċ-ċentru tas-saħħa l-ġdid li se jsir fil-binja biswit l-istess taraġ. “Dan huwa proġett ħolistiku li permezz tiegħu mhux biss se ssir riġenerazzjoni sħiħa taż-żona iżda wkoll se taqdi diversi bżonnijiet u funzjonijiet”, qalet il-Ministru għal Għawdex.

Justyne Caruana semmiet li x-xogħol fi Pjazza San Franġisk se jsir b’rispett sħiħ lejn il-monumenti u l-wirt storiku li jsawru din il-pjazza li se tkun aċċessibbli skont il-kriterji stabbiliti mal-Kummissarju tal-Persuni b’Diżabilità. Il-Ministru għal Għawdex qalet li se tiġi installata sistema għal immaniġġjar aħjar tal-ilma kif ukoll tat-traffiku.

Il-Ministru Justyne Caruana kkonkludiet billi rringrazzjat lil kull min ipparteċipa u ressaq il-proposti tiegħu waqt il-laqgħat ta’ konsultazzjoni li nżammu biex verament dan il-misraħ ikun min-nies għan-nies.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend