Jiddaħħlu l-Qorti wara ġlieda papali nhar l-irxoxt f’Bormla – One News

Notifiki

Jiddaħħlu l-Qorti wara ġlieda papali nhar l-irxoxt f’Bormla

Inżammu arrestati Redent Cassar ta’ 24 sena, Charlesdon Cassar ta’ 26 sena  kif ukoll Frederick Dalli ta’ 36 sena lkoll kemm huma minn Bormla, kif ukoll Lee Julian Cassar ta’ 25 sena mix-Xgħajra wara li fil-Qorti wieġbu mhux ħatja li kienu nvoluti f’argument jaħraq f’Bormla nhar Ħadd il-Għid.

B’rabta ma’ dan il-każ kien hemm involuti wkoll Kurt David Azzopardi ta’ 18-il sena, Tristan Cassar ta’ 22 sena u Carmelo Dalli ta’ 59 sena lkoll minn Bormla kif ukoll Josloann Cassar ta’ 25 sena mix-Xgħajra fejn dawn kollha kemm huma ngħataw il-ħelsien mill-arrest wara li huma ċaħdu l-akkużi miġjuba kontrihom.  Dawn tal-aħħar gew ordnati jiffirmaw l-għassa kuljum u għandhom garanzija personali ta’ €5,000 kull wieħed. Apparti minn hekk kemm Lee Julian Cassar li qiegħed il-ħabs kif ukoll Josloann Cassar li hija martu u ngħatat il-ħelsien mill-arrest ser jiġu segwiti minn uffiċjal tal-probation.

L-argument seħħ bejn it-tmien imputati ma’ erba’ minn nies oħra ftit wara l-festa  tal-Irxoxt ta’ Bormla fejn waqt id-diżgwid allegatament intużaw xi armi fosthom xabla u tlett frostini.  Konsegwentament l-erba’ min-nies sofrew minn xi ġrieħi fosthom sfreġju fil-wiċċ kif ukoll ksur tad-driegħ.

Waqt il-kawża nqalgħat kommossjoni fl-awla mit-tmien nisa’ tal-imputati; b’waħda minnhom Anna Cassar ta’ tmienja u erbgħin sena minn Ħal Luqa intbgħatet il-ħabs għal erbgħa u għoxrin siegħa. Dan wara li fil-Qorti hija qalet kliem dispreġjattiv fil-konfront tal-Maġistrat Monica Vella. Min-naħa l-oħra, s-seba nisa’ l-oħra ġew imwiddba mill-Qorti, wara li fuq parir tal-avukat difensur Mario Mifsud li kien parti mid-difiża, talbu skuża lill-Maġistrat għall-atteġjament tagħhom. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Eman Hayman u Oriana Spiteri.

Għall-imputati dehru l-avukati Dr Arthur Azzopardi, Dr Amadeus Cachia, Dr Marion Camilleri, Dr Franco Debono u Dr Mario Mifsud.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend