Miexi b’rittmu mgħaġġel it-tqassim tad-dokumenti tal-vot għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali. Il-Kap tal-Uffiċju Elettorali tal-Partit Laburista Louis Gatt spjega kif it-tqassim bieb bieb mistenni jibqa’ għaddej matul tmiem din il-ġimgħa u l-ġimgħa d-dieħla sal-Ħadd 5 ta’ Mejju li ġej.
“Kull ġurnata qed jitqassmu 37,000 dokument tal-vot tal-Parlament Ewropew u ftit aktar tal-Kunsilli Lokali. Għaldaqstant wara 4 t’ijiem, diġa tqassmu 37% tad-dokumenti tal-vot,” spjega Gatt.
Is-Sur Gatt qal li fil-jiem li ġejjin il-Pulizija se tkun qed terġa ddur dawk id-djar fit-toroq li diġa sar it-tqassim fihom, iżda ma sabu lil ħadd f’dawn id-djar. Wara din id-data imbagħad id-dokumenti jkunu jistgħu jinġabru mill-għasses tal-Pulizija.
Dwar l-anzjani li jinsabu fi djar tal-anzjani u se jivvutaw f’din l-istess dar, Gatt spjega li l-vot mhux ser jitqassam għalissa. Bil-votazzjoni mistennija ssir nhar is-Sibt 18 ta’ Mejju li ġej.
“Il-Kummissjoni Elettorlai qed tieħu ħsieb id-dokument tal-votazzjoni ta’ dawn l-anzjani. Filfatt se terfaħulhom u twassalulhom dak in-nhar tal-votazzjoni. Ovvja l-Kummissjoni Elettorali se tkun qed tgħati rċevut lil dawn l-anzjani. Imbagħad għandek dawk l-anzjani li għadhom kif marru joqgħodu f’din id-dar fl-aħħar jiem,” qal Gatt.
Gatt qal li wieħed jista’ jċempel għall-assistenza lill-uffiċċju elettorali tal-Partit Laburista fuq Freephone 80072257.
Dawk id-djar tal-anzjani li fihom jirrisjedu anqas minn 50 resident se jivvutaw fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom.
“Dawk l-anzjani jekk ma wasslilhomx id-dokument tal-vot, jistgħu permezz tal-għajnuna mill-uffiċċju elettorali jwasslulhom id-dokument tal-vot fir-residenza fejn qegħdin,” qal Gatt.
Intant, Gatt fakkar ukoll li dawk kollha li se jkunu imsefrin jew rikoverati fi sptar nhar l-elezzjoni fil-25 ta’ Mejju, għandhom imorru sas-Sala tal-għadd tal-voti fin-Naxxar biex jiffirmaw dokumentazzjoni ġuramentata u jivvutaw ġimgħa qabel.