B’investiment ta’ kważi €500,000, 27 lokalità f’Malta u Għawdex ser igawdu minn servizzi ta’ Wi-fi b’xejn sabiex jintuża mir-residenti u l-pubbliku in ġenerali.
Dan ser ikun possibbli grazzi għall-proġett Ewropej Wifi4u bil-fondi ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea fejn kull lokalità ser tkun qed tibbenefika minn €15,000 kull wieħed bil-għan li jiġi offrut dan is-servizz.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Berġa tal-Italja fil-Birgu, s-Sur Anton Farrugia li huwa l-Uffiċjal tal-Informatika fi ħdan id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali qal li qed issir ħidma sabiex jiġu identifikati l-aħjar postijiet possibbli fejn għandu jiġi nstallat dan is-servizz.
Min-naħa l-oħra, is-Sindku tal-Birgu John Boxall fisser din l-inizjattiva bħala waħda li minnha mhux biss ser igawdu l-kunsilli lokali imma wkoll il-lokalitajiet speċjalment żoni turistiċi.
Dawk il-kunsilli lokali li għadhom ma applikawx u jixtiequ li jibbenefikaw minn dan is-servizz għadhom fiċ-ċans sabiex japplikaw għal din l-iskema bil-għan li ċ-ċittadini jgawdu minn dan is-servizz innovattiv.
Preżenti għal din l-attività kien hemm il-Ministru tal-Gvern Lokali Owen Bonnici fejn saħaq kif l-istrateġija tal-gvern lokali hija li ttejjeb ħajjet iċ-ċittadini b’servizzi varji fosthom bil-proġett Ewropej Wifi4u.
Min-naħa l-oħra, s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u l-Komunitajiet Silvio Parnis tenna l-impenn li għandhom il-kunsilli lokali li jkunu dejjem qrib iċ-ċittadini bil-għan li joffrulhom kwalità ta’ ħajja aħjar.
Il-Proġett Ewropew Wifi4u huwa parti minn strateġija usa marbuta mad-deċiżjoni li ttieħdet mill-Unjoni Ewropea sabiex sal-2020 ikun hemm servizz ta’ Wi-fi b’xejn fi 8,000 komunità madwar l-Istati Membri kollha.