Il-Korp tal-Pulizija fetaħ konsultazzjoni nazzjonali u internazzjonali, fost l-aġendi tal-karozzi, biex jibdel il-karozzi tar-‘Rapid Intervention Unit’ u jixtri l-ewwel karozzi speċjalizzati għall-Pulizija msejjħa ‘Authority Vehicles’ jew aħjar ‘Police Cars’.
Ħabbar dan ma’ ONE News il-Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija Angelo Gafa’. Huwa spjega li s’issa l-korp tal-Pulizija dejjem xtara karozzi normali u bidilom f’karozzi tas-servizz. Qal li permezz ta’ dawn il-karozzi li mistennija jinxtraw sas-sena d-dieħla, se joffru aktar sigurta’ lill-membri tal-korp u anke se jkunu iżjed effiċjenti. Proċess li diġa jintuża għal-muturi tal-Pulizija tas-sezzjoni tat-traffiku.
Qal li “aħna t-tendenza dejjem kienet lill-vetturi tal-Korp ikunu vetturi normali li mbagħad jiġu konvertiti f’ ‘Police Cars’ billi nagħmlulhom il-‘lightbars’ u sinjali, u jiġu vetturi tal-korp. Issa se mmorru a step forward, allura fejn se jkun hemm il-ħtieġa li jarrestaw lil xi ħadd li dak il-ħin għadu rasu sħuna hemm għandek id-difiża bejn ix-xufier u l-persuni arrestati u anke jkunu attrezzati għal kwalunkwe esiġenza.”
Intant, f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Surplus għan-nies’ quddiem il-kwartieri ġenerali tal-Pulizija, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali Michael Farrugia qal kif fl-aħħar tliet snin il-Gvern ta’ aktar minn €6 miljun lil 2,000 membru tal-korp f’sahra li ma tħallsitx bejn l-1993 u l-2009.
Qal ukoll li l-Ispetturi u s-Supretendenti se jitħallsu wkoll għall-‘overtime’ li għamlu fic-CHOGM u l-‘Valletta Summit’. Semma’ il-ftehim kollettiv iffirmat is-sena l-oħra li ra żidiet drastiċi fil-paga tal-Pulizija.
Il-Ministru Farrugia tenna li “Grazzi għall-ekonomija b’saħħitha u s-Surplus ta’ pajjiżna, stajna dak li wegħdna nwettquh, inkluż ħlas ta’ ‘overtime’ li taħt gvernijiet Nazzjonalisti ma tħallasx. Rajna li l-ħlas li jieħdu għax-xogħol li jagħmlu bħala ‘extra duty’ jiġi ntaxxat b’rata ta’ 15% flok dik normali.”
Fil-preżenza tal-unjins tal-Pulizija, il-Ministru Farrugia fakkar kif il-ġimgħa d-dieħla tidħol fis-seħħ l-iskema tal-‘insurance’ għall-korpi dixxiplinati. Qal ukoll kif sas-sena d-dieħla se tinbidel l-uniformi ta’ kull membru tal-korp għal waħda aktar komda u kif ukoll kull uffiċjal se jingħata ‘bodycam’ mingħand il-gvern.