F’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Surplus għan-Nies’ quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia qal kif fl-aħħar 3 snin, 2,000 membru tal-Korp ħadu fi bwiethom aktar minn €6 miljun, dan għal sahra żejda li ħadmu bejn l-1993 u l-2009, u li gvern Nazzjonalista ċaħadhom minnhom.
Fil-preżenza tar-rappreżentanti taż-żewġ unjins tal-Pulizija l-Police Officers Union u l-Malta Police Association flimkien ma’ rappreżentant tal-General Workers Union, il-Ministru Farrugia spjega l-miżuri għall-benefiċċju tal-Pulizija li ddaħħlu fl-aħħar sitt snin.
Ewlenin fosthom id-dritt lill-uffiċjali tal-Pulizija jissieħbu f’unjin u l-iskema ta’ insurance. Qal kif sas-sena d-dieħla se tiddaħħal uniformi ġdida għall-membri tal-Korp u se tingħata bodycam lil kull uffiċjal.