Tinvesti miljun ewro fir-riċerka u l-innovazzjni | One News

Notifiki

Tinvesti miljun ewro fir-riċerka u l-innovazzjni

Il-Kumpanija Abertex, li timmanifattura komponenti tal-batteriji tal-karozzi, għaddejja b’investiment ta’ miljun ewro fir-riċerka u l-innovazzjoni. Fil-portafoll tal-klijenti tagħha, Abertex għandha kumpaniji kbar fid-dinja fil-qasam tal-karozzi fil-Ġermanja u fil-Ġappun BMW fosthom Toyota u Volkswagen.

Il-kumpanija bdiet topera f’Kordin b’żewġ ħaddiema Ġermaniżi u illum espandiet u qed tħaddem 150 ħaddiem f’fabbrika fil-Mosta Technopark. Waqt żjara li l-Prim Ministru Joseph Muscat għamel fil-fabbrika bħala parti mill-attivitajiet ta’ Jum il-Ħaddiem, ingħad li fl-aħħar ħames snin il-kumpanija investiet €10 miljun, tant, li rduppjat il-ħaddiema.

Ma’ ONE News, iċ-Chairman tal-kumpanija Joseph Cilia semma bi kburija li permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni, Abertex ħarġet bi  prodotti li mhux biss huma ta’ kwalità kbira iżda huma aħjar minn dak li hemm fis-suq. Sostna li l-kumpanija teċċella fil-qasam tal-innovazzjoni għax il-kapaċitajiet tal-Malitn huma impressjonanti:

“Il-pożittività hija dejjem tajba speċjalment għan-nies li jkunu qed jiġu jaħdmu. Ovvjament waħda mill-problemi bħal ma nafu hija n-nuqqas ta’ impjegati, speċjalment Maltin”.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat faħħar l-investiment tal-kumpanija u qal li l-fatt li għandna kumpaniji lokali li diġà qegħdin f’dan is-suq turi li l-ekonomija ta’ Malta tista’ tkun future proof.

Dr Muscat sostna li s-sigriet tal-ekonomija ta’ Malta hu li mhix dipendenti fuq settur wieħed biss, iżda fuq bosta oqsma. Sostna li l-Gvern jemmen ħafna fil-manifattura u li pajjiżna jista’ jibqa’ kompetittiv jekk jipproduċi prodotti ta’ valur miżjud.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo saħaq fuq l-importnaza li nneħħu l-istigma minn fuq il-manifattura fejn illum qal li hemm ħafna xogħol kreattiv u xogħol li għandna bżonnu fil-futur.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend