Tagħmir ġdid li se jkompli jwaqqaf id-droga milli tidħol fil-ħabs – One News

Notifiki

Tagħmir ġdid li se jkompli jwaqqaf id-droga milli tidħol fil-ħabs

Min jipprova jdaħħal id-droga, anki dik sintentika fil-ħabs se jarralu. Dan kien il-messaġġ skjett iżda importanti f’ġieh is-sigurtà fil-faċilità korrettiva ta’ Kordin. Propju fl-aħħar jiem fl-entratura għall-faċilità tpoġġa apparat magħruf bħala body scan li jagħraf kull ħaġa li jkollu persuna, inkluż kapsuli moħbija fl-istonku, fil-ħalq u anki fl-aktar partijiet intimi tal-ġisem.

Dan l-investiment li sewa żewġ miljuni u mitejn elf ewro ħa post metodi oħra ta’ sigurtà tradizzjonali fosthom tiftix manwali fuq il-ġisem tal-bniedem fejn illum il-ġurnata qed naraw dan bħala mhux bħala l-mod idonju. Dan l-apparat huwa ċertifikat ukoll bħala wieħed tajjeb għaliex l-ammont ta’ radjazzjoni li jirċievi fuqu min jiġi eżaminat huwa wieħed minimu.

Dan apparti li makkinarju bl-X-Ray jistudja bir-reqqa oġġetti oħra li jkollu jġorr miegħu min jidħol fil-ħabs. Id-direttur ġenerali tal-ħabs, il-Kurunell Alexander Dalli spjega kif mat-tletin uffiċjal ġew imħarġa fuq dan l-apparat.

F’kuntest li ħamsa u tmenin fil-mija tad-droga li kienet qed tinqabad dieħla fil-ħabs kienet sintetika, il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia saħaq ukoll fuq il-fatt li id f’id ma’ dan l-apparat, hemm bidla fil-liġi li tindirizza sustanzi sintetiċi. L-awtoritajiet tal-ħabs qed iħarsu wkoll lejn l-eliminazzjoni tal-plastik fil-ħabs u għalhekk bħalissa qed jiġu esplorati possibiltajiet li l-frieket u s-skieken tal-plastik jinbidlu iżda l-għodda tal-ikel li se tidħol flokhom trid tkun sigura f’idejn il-priġunieri.

Issemma wkoll l-investiment li qed isir fil-cameras tas-sigurtà u kif il-biċċa l-kbira minnhom se jinbidlu biex iġibu stampa iżjed ċara. Dan apparti ż-żieda ta’ żewġ karozzi ġodda li jeskortaw priġunieri magħrufa.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend