Bil-ħidma li saret mill-Gvern fl-aħħar snin bil-għan li aktar studenti jkomplu jistudjaw, Malta rnexxielha tilħaq il-mira tagħha li sal-2020 jkollha 33 fil-mija tal-Maltin ta’ bejn it-30 u l-34 sena li jkollhom edukazzjoni fil-livell terzjarju.
Ċifri ppubblikati mill-Eurostat juru li matul is-sena li għaddiet, Malta mhux biss laħqet din il-mira tal-Unjoni Ewropea, iżda qabżitha. Fil-fatt Malta kellha rata ta’ 34.2 fil-mija. Il-mira kienet ġiet stabbilita fl-2010 bħala parti mill-miri ta’ Ewropa 2020 biex l-Unjoni tkun aktar kompetittiva.
Iċ-ċifri tal-Eurostat juru li r-rata ta’ nisa f’Malta b’livell terzjarju kienet 5.3 fil-mija ogħla minn tal-irġiel. Imqabbel mal-2002, ir-rata f’Malta żdiedet bi kważi 25 fil-mija.