Il-Gvern jilqa’ r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-effiċjenza tal-qasam tal-ġustizzja fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, magħruf bħala l-Justice Scoreboard.
Huwa pożittiv immens li l-pubbliku Malti saħħaħ konsiderevolment il-fehma tiegħu li l-ġudikatura hija tassew indipendenti din is-sena mqabbel mas-snin ta’ qabel. Anke l-kumpaniji f’Malta din is-sena saħħew il-fehma tagħhom li l-ġudikatura hija indipendenti wara li ġie reġistrat tnaqqis fis-sena ta’ qabel. Il-Justice Scoreboard ta’ din is-sena jħares ukoll lejn l-effiċjenza tas-sistema tal-ġustizzja reġistrata matul is-sena 2017.
Waqt li fadal sfidi li jridu jingħelbu, jirriżulta li għal darb’oħra l-ħidma biex tiżdied l-effiċjenza fil-qrati tagħna kompliet tagħti l-frott u pajjiżna qiegħed fit-triq it-tajba anke f’dan is-settur. Fil-fatt, il-qrati tagħna komplew inaqqsu ż-żmien meħtieġ biex jinqatgħu kawżi ċivili, kummerċjali, amministrattivi u oħrajn fejn jispikka t-titjib b’saħħtu ħafna reġistrat bejn l-2010 u l-2017. L-isfida hija li dan it-titjib ikun rifless ukoll fil-Qrati tal-Appell Ċivili u kien għalhekk li l-Gvern waqqaf sede oħra tal-Qorti tal-Appell (Sede Superjuri) iktar kmieni f’din il-leġiżlatura biex jiżdied l-ammont ta’ kawżi deċiżi f’dan ir-rigward.
Huwa pożittiv ukoll li n-numru ta’ kawżi pendenti baqa’ stabbli fil-livelli tajbin tas-sentejn ta’ qabel, tant li pajjiżna għandu t-tmien l-inqas ammont ta’ kawżi pendenti fil-kamp ċivili, kummerċjali u amministrattivi fost it-28 stat tal-Unjoni Ewropea. Dan fl-istess waqt li pajjiżna għandu r-raba’ l-inqas numru ta’ ġudikanti ras għal ras fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Pajjiżna jirreġistra riżultati tajbin ukoll fil-parteċipazzjoni tal-ġudikanti fit-taħrig (ir-raba’ post), fl-ammont ta’ avukati ras imb’ras (il-ħames post) u f’oqsma varji tal-informatika.
Il-Gvern huwa kommess li jkompli jtejjeb il-qasam tal-ġustizzja, li huwa pilastru ewlieni tad-demokrazija ta’ pajjiżna.