Il-PM jipproponi bidla fil-liġi biex ulied adottati jsiru Maltin b'mod awtomatiku | One News

Notifiki

Il-PM jipproponi bidla fil-liġi biex ulied adottati jsiru Maltin b’mod awtomatiku

Waqt l-ewwel konferenza Nazzjonali dwar l-adozzjonijiet il-Prim Ministru saħaq li l-Gvern se jressaq proposta għall-bidla fil-liġi biex ulied adottati jieħdu ċittadinanza Maltija awtomatikament. Preżentament il-ġenituri adottivi jridu jmorru l-Qorti u jiftħu proċess biex jiksbu ċ-ċittadinanza Maltija għal dawk li jkunu adottaw b’tant imħabba.

“Għalija hija xi ħaġa bla sens li dawn l-ulied ma jiġux stmati bħall-ulied oħra”, saħaq il-Prim Ministru f’lukanda ewlenija f’San Ġiljan. “Dawn it-tfal m’għandhom xejn inqas minn oħrajn, għandhom ikollhom dinjità bla ebda distinzjoni”, qal b’tant emozzjoni l-Prim Ministru. Żied jgħid li b’din l-emenda fil-liġi nnaqqsu skariġġ żejjed wara tant taqtigħ ta’ qalb li l-ġenituri jkunu għaddew minnu. Dr Muscat semma l-għotja ta’ €10,000 li qed jirċievu l-familji li jadottaw.

Fil-fatt din il-miżura kompliet tintlaqa’ b’mod tajjeb f’din il-konferenza hekk kif dan il-benefiċċju jkompli jagħti kuraġġ lill-familji. Karl Azzopardi, missier li adotta, qal li “il-każ tagħna ovvjament, meta ġejna lura u qlibnilha ċ-ċittadinanza hemm il-proċess tal-applikazzjoni taħt din l-iskema. Kien sempliċi ħafna, jgħinuk ħafna mill-Aġenzija Appoġġ biex tiġbor l-informazzjoni u jagħmlu dawk l-ispezzjonijiet u prattikament fi żmien xahar, xahar u nofs, irċivejna l-għotja lura ta’ €10,000. Ovvjament il-flus li tkun infaqt m’humiex importanti però jgħinuk biex tagħti l-futur inizzjali tat-tifla tiegħek tgħinna biex ovvjament imorru kontra l-ispejjeż li jkollok bżonn.”

Sodisfatti li sabu din l-għotja li twieżinhom, Karl u Dorianne li addottaw iċ-ċkejkna Valentina mill-Indja saħqu kif issa t-tifla li għadha se tagħlaq sentejn bdiet tidra f’Malta:

“Drat, qisha ilha magħna minn dejjem bħal speċi, u ma nimmaġinax ħajti mingħajrha, Valentina.”

Intant waqt il-konferenza l-Prim Ministru saħaq li din is-sena kellna erbgħa u ħamsin adozzjoni u sa mill-elfejn u tlettax l’hawn l-adozzjonijiet żdiedu fejn sa issa kellna mija u erbgħa u ħamsin adozzjoni minn barra u ħamsa u għoxrin oħra minn Malta stess.

Il-Prim Ministru rrefera għall-kwistjonijiet li jqumu ma’ pajjiżi oħra u spjega kif huwa jtella’ dawn il-materji f’taħditiet li jkollu lil hinn minn xtutna. Aċċenna għall-fatt li l-Gvern għaddej b’ħidma biex ikun hemm iżjed pajjiżi minn fejn naddottaw u dwar dan semma n-Nepal li jista’ jkun possibli li jingħaqad m’oħrajn fosthom il-Bulgarija, l-Moldova, il-Polonja u l-Indja.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend