Il-Gvern jirdoppja n-nefqa tiegħu fuq proġetti kapitali – One News

Notifiki

Il-Gvern jirdoppja n-nefqa tiegħu fuq proġetti kapitali

Fl-ewwel tliet xhur tas-sena l-Gvern irdoppja n-nefqa fuq proġetti kapitali meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra. Dan joħroġ minn statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li turi li bejn Jannar u Marzu li għadda l-Gvern nefaq €106 miljun fi proġetti infrastrutturali, żieda ta’ kważi €59 miljun.

Id-dħul tal-Gvern fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena żdied bi ftit inqas minn €100 miljun meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra. In-nefqa tal-Gvern żdiedet ukoll f’numru ta’ oqsma oħra fosthom fil-pensjonijiet, estensjoni tat-trasport b’xejn għall-iskejjel, trattament tal-kanċer (+€5.7 miljun), xiri ta’ materjal mediku għall-isptarijiet (+€5.1 miljun), xogħlijiet ta’ tisbieħ (+€4 miljun), child care b’xejn, benefiċċji soċjali, immaniġjar tal-iskart, skejjel tal-knisja (+€5.2 miljun) u fl-installazzjoni ta’ dwal aktar effiċjenti fit-toroq madwar pajjiżna. 

Din-nefqa wasslet sabiex il-Gvern ħareġ €130 miljun aktar milli daħħal sissa.

Fl-istess perjodu s-sena l-oħra din iċ-ċifra kienet bin-nofs ta li qiegħda bħalissa madankollu ġiet irkuprata tul ix-xhur l-oħra tas-sena hekk kif pajjiżna għalaq b’surplus ta’ €250 miljun. Differenza ta’ nofs biljun ewro minn kif għalaq is-sena l-aħħar Gvern Nazzjonalista.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend