BNF Bank jagħti l-appoġġ tiegħu lill-Voca Choir b’risq Puttinu Cares – One News

Notifiki

BNF Bank jagħti l-appoġġ tiegħu lill-Voca Choir b’risq Puttinu Cares

The Voca Choir, wieħed mill-aqwa korijiet lokali, se jkun qiegħed itella kunċert b’repertorju varjat bl-isem Voca – The Journey b’riżsq il-Fondazzjoni Puttinu Cares, bl-appoġġ ta’ BNF Bank. Il-kunċert se jsir fl-24 u fil-25 ta’ Mejju fis-Sala Sir Temi Zammit, L–Università ta’ Malta. Il-biljetti jiswew €15.

Voca hi organizzazzjoni fuq bażi volontarja li nħolqot fl-2010 bil-għan li tippromwovi l-mużika ta’ stili differenti waqt li tiġġenera fondi għal kawżi filantropiċi. Voca hi rinomata għall-mużika gospel, b’daqq u kant minn mużiċisti u kantanti ta’ esperjenza li jaqsmu l-passjoni u l-imħabba għall-mużika. Ir-repertorju ta’ Voca jvarja minn mużika spiritwali sa musicals u pop kontemporanju u l-grupp itella wkoll kunċerti barra minn Malta.

Voca – The Journey se jkollu grupp live u 40 membru tal-kor, flimkien ma’ Errol tal-Airport Impressions u ż-żeffien u l-korjografu Warren Bonello u l-istudenti tiegħu. Din l-estravaganza ta’ mużika għandha lesta għall-udjenza aktar minn 20 kanzunetta minn gruppi bħal Abba, Queen, The Cranberries, u mill-musicals The Greatest Showman u Sister Act, kif ukoll kanzunetti minn artisti lokali The Travellers u Airport Impressions.

“Il-kelma journey fit-titlu jirrifletti r-relazzjoni ta’ sena tal-kor mat-tfal ta’ Rainbow Ward, fejn il-grupp kien involut f’numru ta’ attivitajiet kemm mat-tfal kif ukoll mal-familji tagħhom,” qal rappreżentant tal-kumitat tal-Voca, Nicholas Zammit. “Allura l-għażla tagħna ta’ benefiċċjarju kienet ovvja. Aħna nisperaw li, permezz tal-mużika tagħna, nkunu qed nagħtu kontribut sinifikanti lil Puttinu Cares u lill-aħħar proġett tagħhom li jixtru lukanda f’Londra biex jakkomodaw familji li qiegħdin hemm għat-trattament. Nirringrazzjaw lil BNF Bank għall-isponsorship li se jgħinna mhux ftit biex nilħqu l-għan tagħna”.

“Ma kellna l-ebda dubju meta ġejna biex nagħtu l-appoġġ tagħna lill-Voca Choir, meta rajna d-dedikazzjoni lejn l-użu tat-talent mużikali għal kawża ġusta,” qalet Alison Grech, Senior Coordinator ta’ BNF Bank. “Il-kunċert iwiegħed li se jkun wieħed imżewwaq b’mużika kontemporanja u kunzunetti aktar antiki, biex jikkuntenta udjenza wiesgħa. Aħna ħerqana li nattendu, nieħdu gost u nitpaxxew bil-mużika!”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend