ARA: 'Lady Oscar' b'avventura fuq il-palk f'Malta | One News

Notifiki

ARA: ‘Lady Oscar’ b’avventura fuq il-palk f’Malta

Familjari l-isem, le? U din is-sena se tirritorna fuq il-palk grazzi għal inizjattiva mill-Iskola Sekondarja tal-Kulleġġ Sant’ Injazju, Tal-Ħandaq. L-istorja tal-Warda ta’ Versailles se tingħad lill-udjenza permezz ta’ musical bil-Malti li nkiteb minn żewġ għalliema f’din l-iskola.

B’kitba ta’ Roger Tirazona, u mużika u lirika ta’ Cliff Casha, l-istorja tal-Warda ta’ Versailles se tieħu lill-udjenza lura fi Franza lejn l-aħħar tas-seklu 18. Hija storja bbażata fuq il-manga Ġappuniż ta’ Riyoko Ikeda li jġib l-istess isem. Dan il-manga kien inqaleb f’anime għat-televiżjoni lejn l-aħħar tas-snin 70, u ħafna għadhom jiftakru fl-avventuri ta’ Lady Oscar li kienu jistennew b’ħerqa kbira fuq stazzjonijiet Taljani. 

Lady Oscar hija t-tifla tal-Ġeneral Jarjayes, li minn dejjem ikun xtaq li jkollu tifel sabiex jgħallmu jiġġieled bix-xabla u jħarrġu fil-militar. Malli twilditlu tifla oħra tant irrabja li ddeċieda li bintu se tgħix bħala tifel, se jkun jismu Oscar u meta jikber kellu jagħmel parti mill-Gwardja Rjali.

Fost karattri oħra, insibu lil Andre, l-akbar ħabib tagħha, li jkun iħobbha b’imħabba t’iktar minn ħbieb. Il-musical se jlaqqa’ lill-udjenza mar-Reġina Marie Antoinette u l-Konti Hans Axel Von Fersen, nobbli Żvediż li għandu simpatija kbira lejn ir-Reġina ta’ Franza, u li jqis lil Oscar bħala waħda mill-akbar ħbieb tiegħu.

Dan kollu jiġri fl-isfond tar-Rivoluzzjoni Franċiża tal-1789. Il-poplu Franċiż kien qiegħed jgħix ħajja ta’ miżerja kbira filwaqt li n-nobbli fil-Palazz ta’ Versailles kienu qed jgħixu ħajja ta’ tberbiq u xalar. Se naraw kif il-mexxejja tal-poplu, fosthom Maximilien Robespierre, ikun qiegħed iqajjem lil-poplu ta’ Pariġi sabiex dawn jiġġieldu lill-Monarkija u n-nobbiltà Franċiża. Dan iwassal għar-Rivoluzzjoni Franċiża, il-waqa’ tal-Bastilja, u il-qtil tar-Re u r-Reġina ta’ Franza.

Oscar ikollha kunflitt intern bejn jekk iżommx man-nobbiltà u l-isem ta’ familtha jew iddurx favur il-poplu u tiġġieled għal pajjiżha. Barra minn hekk, li tkun il-kaptan tal-gwardja rjali jfisser li jkollha tiċħad il-fatt li hi mara. Iżda bħalma jgħidilha Andre, “Warda qatt ma tista’ ssir tulipan”.

Din l-istess skola diġà tellgħet diversi produzzjoni bbażati f’epoki differenti, fosthom Katrin tal-Imdina, Aida, Carmen, Romeo u Ġuljetta- Inħobbok għal dejjem. L-istudenti ta’ dan il-Kulleġġ jingħataw taħriġ ħolistiku mhux biss fir-reċtar, kant u żfin imma wkoll f’ħiliet oħra. Xi studenti qed jingħataw taħriġ bażiku fil-fencing storiku, oħrajn qed jitgħallmu jiżfnu l-minwett, waqt li kollha se jesperjenzaw l-ilbies barokk tas-seklu 18. Barra t-tim tal-għalliema tal-Performing Arts, grupp ħabrieki ta’ studenti għenu fil-bini tal-palk, fix-xenografiji u f’aspetti oħra ta’ minn wara l-kwinti.

Il-musical se jittella’ għall-pubbliku fid-9 ta’ Mejju li ġej fit-8.00pm, fl-Iskola Sekondarja Tal-Ħandaq f’Ħal Qormi, li hija parti mill-Kulleġġ Sant’ Injazju. Il-biljetti jistgħu jikisbu mis-sit www.showshappening.com/St-Ignatius-College-Secondary-School/IlWarda-ta-Versailles

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend