Simon Busuttil u Jason Azzopardi kontra t-tħaddim ta' dak li huma stess kienu vvutaw favurih | One News

Notifiki

Simon Busuttil u Jason Azzopardi kontra t-tħaddim ta’ dak li huma stess kienu vvutaw favurih

Il-gvern jirreferi għal żewġ rikorsi li ġew mressqa llum b’urġenza quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) miż-żewġ membri tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u Jason Azzopardi fl-atti ta’ kawża li huma fetħu llum ukoll.

F’dawn iż-żewġ rikorsi huma talbu, fost oħrajn, li l-Qorti żżomm milli ssir il-ħatra ta’ tliet Imħallfin u tliet Maġistrati. Il-ħatriet saru iktar kmieni llum waranofsinhar wara li l-Qorti espressament ċaħdet it-talba ta’ Busuttil u Azzopardi b’digriet li ngħata mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Mark Chetcuti.

Huwa ironiku li dawn iż-żewġ deputati għamlu dak kollu li setgħu biex iwaqqfu milli jsiru ħatriet fil-ġudikatura bil-metodu ta’ ħatra ta’ ġudikanti li huma stess kienu vvotaw favurih fl-2016 fil-Parlament.

Iktar minn hekk, ta’ min jirrimarka li f’dak li qed jagħmlu qed jgħidu li l-ġudikanti kollha li nħatru minn gvernijiet wieħed wara l-ieħor, inkluż gvern li kienu jagħmlu parti minnu huma stess b’sistema inqas trasparenti milli hemm illum, m’humiex imparzjali u indipendenti. L-attakk fuq il-ġudikatura kollha qatt ma kien frontali daqs dak li qed jagħmlu llum iż-żewġ deputati tal-Oppożizzjoni.

Il-gvern ifakkar li bis-saħħa ta’ emendi Kostituzzjonali li kienu għaddew mill-Kamra tad-Deputati b’mod unanimu bis-saħħa ta’ Att XLIV tal-2016, mill-5 t’Awissu, 2016 ħatriet ta’ ġudikanti jistgħu jsiru biss wara li l-ewwel jinkiseb il-parir ta’ Kumitat tal-Għażla tal-Ġudikanti li hu magħmul mill-Prim Imħallef, l-Avukat Ġenerali, l-Awditur Ġenerali, l-Ombudsman u l-President tal-Kamra tal-Avukati. Kemm Simon Busuttil u kemm Jason Azzopardi kienu vvotaw favur u qablu ma’ din is-sistema iktar trasparenti ta’ ħatriet, liema sistema kienet ukoll imfaħħra bħala pass ’il quddiem mill-Kummissjoni ta’ Venezja.

Għalhekk il-gvern ma jistax jifhem għala d-deputati tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil u Jason Azzopardi huma kontra t-tħaddim ta’ dak li huma stess kienu vvotaw favurih.

Il-gvern huwa determinat li jkompli jtejjeb il-qasam tal-ġustizzja u jsaħħaħ bil-fatti d-demokrazija u s-saltna tad-dritt.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend