Lealtà lejn il-Partit u lejn il-Pajjiż – One News

Notifiki

Lealtà lejn il-Partit u lejn il-Pajjiż

Waqt li ppreżentat in-nomina tagħha bħala Kandidata f’isem il-Partit Laburista għall-Parlament Ewropew, Lorna Vassallo fakkret l-impenn ta’ kull kandidat li jista’ jirrappreżenta lil Malta fil-Parlament Ewropew li jibqa‘ dejjem leali lejn il-partit, il-pajjiż u l-poplu li qed jirrappreżenta.

Fi kliemha ‘Għalkemm il-Membri Parlamentari Ewropej xogħolhom huwa li jirrappreżentaw lil pajjiżna fost 27 pajjiż ieħor, huma jkunu wirtu s-setgħa politika tagħhom kollha jew mill-Maltin li jkunu silfuhom il-fiduċja tagħhom jew minn barranin li jgħixu kuljum Malta.’

Min-naħa l-oħra hija sostniet li hija kandidata mal-Partit Laburista mhux biss għaliex temmen fil-prinċipji li jħaddan u għandha fiduċja li min imexxih u jimmilita fih jattwa dawk il-prinċipji, imma wkoll għaliex hija lesta li tintrabat b’lealtà assoluta lejn il-Partit ġaladarba eletta.

Huwa proprju dan li jagħżel kandidat indipendenti minn kandidat ma’ partit. B’vot lil kandidat fi ħdan partit, l-elettorat m’għandux biss garanzija tal-wegħdiet tal-kandidat innifsu/innifisha, imma wkoll il-manifest tal-Partit.

Huwa għalhekk ukoll, li kull min jitla’ f’isem Partit għandu mill-bidu sal-aħħar jibqa’ leali lejn l-istess partit u li jkun konxju li l-interess tal-Partit jiġi qabel l-interess tal-kandidat. Iżda kull kandidat irid ikun ukoll konxju mill-fatt li huwa l-interess tal-Pajjiż li għandu jipprevali fuq dawn it-tnejn.

Lorna Vassallo ilha timmilita attivament mal-Partit Laburista aktar minn 19-il sena.  Is-slogan li għażlet għall-Kampanja tagħha huwa ‘Lejn Malta AAA’ għaliex temmen li gvern laburista biss jista’ jwassal lil pajjiżna lejn dan l-istatus ekonomiku ideali – status li mhux daqshekk ’il bogħod milli jiġi milħuq.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend