L-Assoċjazzjoni għat-Turiżmu f’Għawdex laqgħet l-installazzjoni tat-tieni cable tal-fibre optic f’Għawdex u qalet li dan se jsaħħaħ l-infrastruttura diġitali f’Għawdex.
Il-proġett li tnieda mill-Prim Ministru Joseph Muscat b’investiment ta’ tliet miljun u ħames mitt elf ewro se jsaħħaħ l-infrastruttura diġitali f’Għawdex u jkabbar il-potenzjal ta’ aktar xogħol fl-informatika.
F’kumment ma’ one.com.mt il-Kap Eżekuttiv tal-GTA Joe Muscat qal li bi proġetti bħal dawn jiżdied il-potenzjal għal investiment privat u ħolqien ta’ impjiegi fis-settur tal-informatika.
“B’dan l-investiment ta’ 3.5 miljuni żgur li l-gżira Għawdxija issa ser titpoġġa f’livell fejn wieħed jista’ jagħmel investiment fis-settur tal-IT,” qal is-Sur Muscat.
Il-GTA ħeġġet ukoll lill-Gvern sabiex isaħħaħ il-konettivita bejn il-gżejjer permezz tar-raba’ vapur bejn Malta u Għawdex, l-introduzzjoni ta’ servizz tal-fast ferry kif ukoll link bl-ajru bejn Għawdex u l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Is-Sur Muscat qal li dan il-cable tal-fibre optic għandu jgħin biex tiġi diversifikata l-attività ekonomika u s-suq tax-xogħol f’Għawdex.
“Nixtiequ wkoll naraw li l-gżira tibda’ tiddiversifika l-ekonomija tagħha u tmur fuq ċertu setturi li jistgħu jgħinuna, jiġi l-investiment barrani kif ukoll li nżommu l-ħaddiema Għawdxin jaħdmu fil-gżira tagħna,” spjega l-Kap Eżekuttiv.
Il-proġett tat-tieni fibre optic cable, huwa wieħed minn diversi proġetti li qed jittieħdu minn dan il-gvern sabiex tissaħħaħ il-konettività fiżika u ekonomika bejn iż-żewġ ġżejjer u sabiex tkompli tissaħaħ il-wegħda elettorali għal xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin.
Fil-fatt f’sitt snin l-ekonomija Għawdxija ħadet spinta ’l quddiem bl-impjiegi f’Għawdex żdiedu b’25 fil-mija f’erba’ snin.
L-ikbar fost dawn il-proġetti hija l-mina li se tgħaqqad lill-Għawdex ma’ Malta.