Ekonomija kompetittiva hija waħda li tfittex li tiġġedded, tħares lejn l-industriji tal-futur u tanalizza l-isfidi sabiex noħolqu opportunitajiet ġodda, qalet l-Ewroparlamentari Miriam Dalli.
“F’ekonomija dinjija li qed tippremja dejjem aktar nies b’ħiliet speċjalizzati, irridu niżguraw li nkunu preparati sabiex il-ħaddiema tagħna jgawdu minn xogħolijiet ta’ kwalità f’setturi ġodda,” qalet Dr Dalli.
“L-innovazzjoni hija kruċjali, mhux biss għax tiżgura li nibqgħu kompetittivi imma wkoll għaliex, f’pajjiż bħal tagħna fejn l-art hija skarsa u d-daqs tagħna huwa limitat, irridu ninvestu fl-aħjar teknoloġiji u f’setturi innovattivi.”
L-MEP tal-Partit Laburista qalet dan waqt business breakfast mtella’ b’kollaborazzjoni mal-Malta Business Weekly li ffoka fuq l-industrija tal-futur u l-isfidi u l-opportunitajiet.
Miriam Dalli argumentat li element ewlieni għall-innovazzjoni huma l-ħaddiema tas-snajja u investiment fil-ħaddiema biex itejbu l-ħiliet tagħhom. Hija qalet li s-sistema edukattiva, sa mill-iskola sekondarja, m’għandhiex tkun biss dwar suġġetti akkademiċi iżda wkoll dwar il-ħiliet.
Hi argumentat favur sistema ta’ edukazzjoni li taħdem id f’id mal-industriji li jagħtu lill-istudenti l-opportunità li jiksbu esperjenza ta’ kif jaħdmu setturi differenti u kif jirreaġixxu għal ekonomija bbażata fuq l-għarfien.
“Fejn irridu mmorru bħala pajjiż u x’tip ta’ industriji rridu nattiraw? Nemmen li l-futur jinsab f’industriji li huma speċjalizzati b’valur miżjud għoli,” qalet Miriam Dalli, waqt li rreferiet għall-iżviluppi relatati mal-Medical Cannabis, Blockchain u l-Intelligenza Artifiċjali.
Fil-kummenti mogħtija b’reazzjoni għall-konferenza, is-CEO tal-Malta Enterprise Mario Galea qal li avvenimenti bħal dawn, li jiġbru flimkien entitajiet differenti mis-settur pubbliku u privat, huma kruċjali biex nippreparaw għall-industriji tal-futur.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Maniġerjali ta’ Trelleborg Malta Martin Hignett irrefera għal kif il-kumpanija kompliet tiġġedded kemm ilha f’Malta biex tibqa’ kompetittiva fis-suq globali.
“Bħalissa qed nerġgħu ngħaddu minn riġenerazzjoni biex dejjem inżommu l-ħaddiema tagħna mħarrġa, filwaqt li nġibu inġiniera ġodda u nħarrġu n-nies li għandna. Nfittxu kontinwament li niżviluppaw u nġibu ħiliet ġodda,” qal is-Sur Hignett.