ARA: Erba’ familji b’akkomodazzjoni alternattiva wara l-inċident tal-bieraħ – One News

Notifiki

ARA: Erba’ familji b’akkomodazzjoni alternattiva wara l-inċident tal-bieraħ

Erba’ familji ħelsuha minn ħalq il-mewt wara li l-Erbgħa filgħaxija ġġarrfet parti minn binja ta’ erba’ appartamenti f’Telgħet Gwardamangia. Żewġ appartamenti mibnija fuq xulxin iġġarrfu b’mod konsiderevoli waqt li l-familji li jgħixu fit-tnejn l-oħra ġew evakwati minn djarhom minħabba l-periklu li dak li għad fadal mill-binja li tinsab biswit sit ta’ kostruzzjoni jista’ jkompli jiġġarraf.

Kien għall-ħabta tal-10:15pm meta l-ħemda tal-lejl inkisret b’ħoss kbir ta’ ġebel jaqa’ f’nofs ta’ triq.

Lawrence Gauci, missier waħda mir-residenti fil-blokka kiteb fuq Facebook li l-binja spiċċat iġġarrfet quddiem għajnejn bintu. Dan wara li kienet pronta u marret tħabbat lir-residenti tal-binja kollha biex joħorġu minn darhom wara li semgħet xi ħsejjes u ntebħet li kien hemm xi trab qed jaqa’ mis-saqaf tal-appartament tagħha.

Jidher li l-anqas laħqu għaddej għaxar minuti li ma ġġarrfux il-ħitan li jagħtu għal fuq is-sit tal-kostruzzjoni.

Imbikkem ir-raġel irrakkonta kif bintu u l-familja tagħha, għalkemm jirringrazjaw lill-Madonna li għadhom ħajjin, issa spiċċaw b’ta fuqhom senduqhom.

Immedjatament fuq il-post marru għadd ta’ Pulizija mir-Rapid Intervention Unit flimkien ma’ ħaddiema mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li sabu għexieren ta’ resident barra lebsin bi ħwejjeġ tal-irqadt.

Flimkien ma’ żewġ residenzi ġġarraf ukoll uffiċċju ta’ Transport Malta li fih issiru l-eżamijiet tat-teorija tal-liċenzja tas-sewqan.

Minnufih bdiet operazzjoni sabiex jiġi żgurat li ħadd ma jibqa’ fil-periklu u ġew evakwati iżjed nies minn djar fil-qrib.

Waslu wkoll ħaddiema tal-Enemalta li qatgħu l-provvista tal-elettriku.

Tul il-jum tal-Ħamis, il-Pulizija kompliet bl-investigazzjonijiet tagħha bil-għan li tistabbilixxi x’wassal għat-tiġrif tal-blokka. Hu mifhum li l-pulizija kellmet lis-sid tas-sit tal-kostruzzjoni li ngħad li qed jikkopera fl-investigazzjonijiet li għaddejjin u jidher li offra post alternattiv għal dawk li spiċċaw bla saqaf fuq rashom.

L-għada tal-inċident iż-żona ta’ madwar il-blokka baqgħet magħluqa biex ħadd ma jazzarda jixref fiha minħabba l-periklu li għad hemm.

Fuq il-post stajna ninnotaw kif kamra tas-sodda spiċċat fi tnejn, bis-sodda mirduma taħt it-terrapien u l-gwardarobba bil-ħwejjeġ fit-tielet sular.

Madankollu baqgħu mhux mittiefsa l-inkwatri tal-Madonna u l-Ħniena Divina mdendla mal-ħitan tal-bini mġarraf.

Kmieni wara nofsinnhar ħaddiema tal-kunttratur tqabdu biex ineħħu l-ħitan imġarrfa.

Dwar il-każ tkellem ukoll il-Prim Ministru Joseph Muscat. Qal li “tlabt rapporti jekk kienx hemm rapporti mingħand il-ġirien dwar din is-sitwazzjoni. Informat li daħlet il-‘Housing Authority’ biex naraw li jekk hemm sitwazzjoni ta’ emerġenza l-familji konċernati noffrulhom l-assistenza kollha”

Mistoqsi dwar l-investigazzjonijiet, Dr Muscat wieġeb b’mod skjet u qal li jħalli f’idejn l-investigazzjonijiet fosthom l-inkjesta maġisterjali. Sostna li l-gvern żgur mhux se jħalli sitwazzjoni fejn jekk hemm xi responsabilitajiet, dawn ma jinġarux.

Intant, fi stqarrija l-awtorita’ tad-djar hi nfurmata li l-erba’ familji affettwati kollha ngħataw akkomodazzjoni alternattiva mill-kuntrattur. Matul il-jum rappreżentanti tal-Awtorità kienu preżenti fuq il-post tal-inċident u bdiet ħidma biex tara li l-familji jkollhom l-assistenza kollha neċessarja f’mument daqstant diffiċli.

L-istqarrija żiedet tgħid li wara li l-Awtorita’ tkellmet ma’ kull familja affetwata se tkun qed toffri ukoll għajnuna biex dawn il-familji jkunu jistgħu jixtru l-affarijiet bażiċi biex ikunu jistgħu jkomplu b’ħajjithom. Għalhekk, l-Awtorità se tkun qiegħda tagħti għajnuna finanzjarja lil kull persuna affettwata skont il-ħtieġa tagħha.

Fi stqarrija Transport Malta qalet li l-eżamijiet tat-teorija tas-sewqan ġew sospiżi sal-Ħamis 2 ta’ Mejju.

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Doreen Clarke, li ħatret diversi esperti biex jassistuha. Filwaqt lill-investigazzjonijiet tal-Pulizija qed jitmexxew mis-Supretendent Joe Hearsey u l-Ispettur Robert Vella mill-Għassa tal-Ħamrun.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend