Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia ddeċieda li jattakka lill-Prim Ministru u lill-Ministru tal-Ġustizzja talli skont hu, qed jinjoraw lill-Kummissjoni ta’ Venezja meta hu stess qed jinjora digriet tal-Qorti maħruġ ftit tas-sigħat ilu li ċaħdet talba ta’ żewġ deputati tal-istess partit tiegħu.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li Dr Delia jaf li l-Gvern diġà saħħaħ il-metodu tal-ħatra tal-ġudikanti b’emendi tal-2016 li l-partit tiegħu vvota unanimament favur tagħhom. Qal li Delia jaf ukoll li l-Gvern huwa kommess li jkompli jtejjeb il-qasam tal-ġustizzja f’pajjiżna.
Sostna li minflok ma joħroġ stqarrijiet nofs qalb biex jipprova jikkuntenta lill-fazzjonijiet tal-partit tiegħu, ikun aħjar jekk Dr Delia jgħid jekk qabilx ma’ dak li għamlu Simon Busuttil u Jason Azzopardi meta pprovaw jimblukkaw ħatriet bżonnjuzi fil-ġudikatura.