Il-PM jiffirma kuntratt ta' €3.5 miljun li se jkompli jsaħħaħ il-konnettivitá tal-fibre optic f'Għawdex | One News

Notifiki

Il-PM jiffirma kuntratt ta’ €3.5 miljun li se jkompli jsaħħaħ il-konnettivitá tal-fibre optic f’Għawdex

Il-proġett tal-Hub tal-Innovazzjoni tax-Xewkija ma kienx jista’ jkun possibbli kieku Għawdex baqa’ jiddependi fuq cable tal-fibre optic wieħed biss. Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat waqt konferenza stampa li matulha ġie ffirmat il-kuntratt ma kumpanija internazzjonali li se tklun qed tifrex it-tieni cable tat-tip bejn il-gżejjer Maltin.

Il-Prim Ministru spjega kif dan il-proġett li se jkun qed jiswa’ €3.5miljun se jassigura konnettivitá sigura fil-gżira Għawdxija. Dr Muscat fakkar kif ftit tax-xhur ilu tħabbar li waħda mill-ewwel kumpaniji li se jkunu qed joperaw minn dan l-innovation hub hija Noovle, kumpanija sussidjarja ta’ Google. B’investiment ta’ €650,000 din il-kumpanija se tkun qed tiftaħ ċentru ta’ innovazzjoni u blockchain li mistenni jħaddem 35 persuna. Apparti Noovle fix-Xewkija innovation hub se jkunu qed jiftħu mal-15-il kumpanija oħra li beniethiom se jħaddmu ftit anqas minn 100 ruħ.
Il-Prim Ministru spjega li apparti l-impjiegi fl-Innovation Hub tax-Xewkija se tkun estiża ż-żona industrijali magħrufa bħala tal-Ħofra.

Dr Muscat qal ukoll li f’Ottubru li għadda tqassmu mat-€3.6miljun mill-iskema micro invest lin-negozji Għawdxin u qal ukoll li l-Malta Enterprise approvat numru ta’ investimenti li se jkunu qed joħolqu mal-100 impjieg ieħor.

Hawnekk il-Prim Ministru fakakr kif f’sitt snin l-ekonomija Għawdxija ħadet spinta l-quddiem bl-impjiegi f’Għawdex żdiedu b’25% f’erba’ snin.

Apparti l-konnettivitá aktar effettiva permezz ta’ cable tal-fibre ġdid, il-Prim ministru tkellem ukoll dwar il-link permanenti permezz tal-mina li se tkun qed tkompli tgħaqqad lill-Għawdex b’mod permanenti ma’ Malta.

Dwar il-mina l-prim ministru qal li apparti li se tkun qed itejjeb ħajjet l-Għawdxin li jaqsmu bejn il-gzejjer kuljum, il-mina se sservi wkoll bħala triq għall-investiment barrani fil-gżira Għawdxija. Investiment li se jipprovdi aktar opportunitajiet lill-Għawdxin sabiex ikunu jistgħu jaħdmu aktar viċin ta’ darhom.

Didier Dillard li huwa l-kap eżekuttiv ta’ Elettra spjega kif fid-dinja tal-lum il-konnettivitá hija importanti ħafna. It-teknoloġija tal-4g u tal-5g saru għodda importanti u neċerrarja għall-lukandi, kumpaniji u residenzi privati. Huwa spjega li filwaqt li fl-ibliet kbar madwar id-dinja dawn il-cables jaqgħu taħt ir-responsabbilta tal-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni, f’ċerti postijiet ikun hem bżpnn l-involviment tal-Gvern sabiex dan isir.

Huwa qal li l-kumpanija tiegħu tispeċjalizza f’dan it-tip ta’ xogħol u spjega li bħalissa jinsabu għadejjin b’ħidma sabiex jgħaddu fibre optic cable fin-nofsinhar taċ-Ċili. Huwa spjega wkoll li minħabba li l-kumpanija għandha vapur sorġut fi Sqallija, fil-futur jekk jinqalgħu xi ħsarat fil-cable ix-xogħol ikun jista’ jibda fi żmien 24 sena.

Huwa għalaq id-diskors tiegħu billi kkonferma l-impenn tiegħu għal dan il-proġett li mistenni jibda fix-xhur li ġejjin.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend