Ħadd ma ndarab wara li lbieraħ filgħaxija ġġarrfu tliet appartamenti qrib sit ta’ kostruzzjoni fit-Telgħa ta’ Gwardamangia.
Kien għall-ħabta tal-22:15 ta’ filgħaxija meta nstema’ ħoss kbir ta’ ġebel jaqa’ li ta’ qatgħa kbira lill-ġirien. Fortunatament inzerta li minkejja li l-binja hi abitata, ħadd ma kien jinsab fil-partijiet li ġġarrfu fejn malli semgħu ħoss ta’ ċaqlieq, huma ħarbu ‘l barra mill-binja.
Immedjatament fuq il-post marru l-ħaddiema tal-protezzjoni ċivili li sabu għexieren ta’ residenti fit-triq maħsuda. Fl-istess waqt bdiet ħidma biex jiġu evakwati residenti oħrajn li joqogħdu qrib il-binja li ġġarrfet.
S’issa għad mhux magħruf x’wassal għat-tiġrif ta’ din il-binja.