Waqt il-kampanja elettorali li għandha twassal għall-elezzjoni tal-kunsilli lokali fil-ħamsa u għoxrin ta’ Mejju li ġej, il-Partit Laburista se jkun qed joħroġ b’numru ta’ proposti għal kull lokalita.
Dan ħabbru l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat waqt l-ewwel programm 25/05 li xxandar fuq One it-Tnejn filgħaxija.
“Għandna manifest elettorali għal kull lokalita. Proċess ta konsultazzjoni li ilu għaddej xhur sħaħ, mexxih tajjeb ħafna Daniel Micallef bl-għajnuna ta’ Mario Fava, illi naraw in-nies li diġa qegħdin fil-kunsill x’jaħsbu, in nies fil-lokalita x’jaħsbu u għal kull lokalita, zgħira kemm hi zgħira, kbira kemm hi kbira, f’Malta u Għawdex għandna sett ta’ proposti flimkien ma’ proposti ġenerali illi fil-fehma tiegħi ħa jkunu qed jagħtu nifs ġdid u importanti ħafna lill-lokalitajiet,” qal Dr Muscat.
Huwa rrimarka li l-ħidma li qed issir mill-Ministru Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis fil-kunsilli lokali qed tidher sew.
Madanakollu, il-Partit Laburista għandu f’moħħu li l-kunsilli lokali jkollhom iktar viżibilta u saħħa, billi jkunu protagonisti fil-bidliet ta’ pajjiżna.
“Ħa nidħlu f’dimensjoni ġdida ta’ kunsilli lokali dwar kif il-kunsilli lokali jistgħu ikunu at the forefront tar-riformi kbar li qed isiru u li ħa jsiru fil-pajjiż, tal-bidliet kbar fil-pajjiż, mhux il-kunsilli lokali ikunu ‘e iva la qed jagħmilha l-gvern’ imbagħad wara jagħmluha l-kunsilli, le. Din id-darba bħala Partit Laburista l-idea tagħna hi li jekk ha jagħmel xi haġa il-gvern, jekk ġejja bidla fil-pajjiż, il-kunsilli lokali ħa jkunu fuq quddiem nett ta’ dik il-bidla,” spjega l-Prim Ministru.
Tkellem dwar kif il-Kunsilli Lokali se jingħataw nifs ġdid, fosthom bil-proġetti li qed isiru fit-toroq mill-Gvern. Proġetti li qed iħallu iktar flus fil-but tal-kunsilli, hekk kif m’għandhomx aktar responsabilta tal-manutenzjoni tat-toroq.
Muscat qal ukoll li jekk individwu ma kienx sodisfatt bis-sindku li kellu, hemm kandidati oħra li ħerġin f’isem il-Partit Laburista.
“Jekk inti kont qiegħed f’lokalità fejn int s-Sindku tal-Partit Laburista m’għoġbokx ta’ kif ħadem, l-għażla mhux ma tmurx tivvvota, l-għażla li tmur, għandek lista, ivvota lil ħaddieħor, bir-rispett kollu, fuq il-lista tal-Partit Laburista għalhekk hemm nies differenti illi qegħdin jikkontestaw,” sostna il-PM.
Temm jgħid li f’dawn l-elezzjonijiet, il-mira hi li jkunu kkonfermati Kunsilli Laburisti, filwaqt li jissaħħu dawk li ma kinux.