Li kien għall-PN, ma jsirux elezzjonijiet fin-Nofsinhar ta' Malta – il-PM | One News

Notifiki

Li kien għall-PN, ma jsirux elezzjonijiet fin-Nofsinhar ta’ Malta – il-PM

Li kien għall-Partit Nazzjonalista, fil-25 ta’ Mejju li ġej ma jsirux elezzjonijiet fin-nofsinhar ta’ Malta. Spjega dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, meta kien qed jieħu sehem f’sessjoni tal-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista f’Ħal Tarxien.

Il-Prim Ministru tkellem dwar kif il-Partit Nazzjonalista ma ppreżentax biżżejjed kandidati f’diversi lokalitajiet u li kieku ma kienx għall-Partit Laburista, li preżenta lista b’saħħitha ta’ kandidati, ma kinux isiru l-elezzjonijiet. Dan inkluż f’lokalitajiet fejn il-Partit Nazzjonalista kellu maġġoranza.

Din hija “trend inkwetanti li turi kemm il-Partit Nazzjonalista sar partit reġjonali u m’għadux nazzjonali. Aħna għadna u nibqgħu moviment nazzjonali… Kieku għalih il-Partit Nazzjonalista ma jsirux elezzjonijiet fis-south. Mhux ta’ b’xejn ħallewh jaqa’ biċċiet f’ħamsa u għoxrin sena,” qal Dr Muscat li kkummenta wkoll dwar is-sitwazzjoni xejn sabiħa li l-Partit Nazzjonalista spiċċa fiha f’Għawdex.

Fakkar kif tliet snin ilu, meta l-Partit Laburista ppropona li l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali u dawk tal-Parlament Ewropew isiru flimkien il-Partit Nazzjonalista kien kritika lill-gvern bil-kbir. Saħansitra l-Partit Nazzjonalista qal li din mhux demokrazija ġusta.

“Ilbieraħ tasal il-ġurnata li fiha jagħlqu n-nominazzjonijiet. L-ewwel ħaġa ċara li ħarġet hija li f’wieħed u għoxrin lokalita, terz tal-postijiet kollha ta’ Malta u Għawdex fejn għandna elezzjoni, li kien għall-Partit Nazzjonalista ma jsirux elezzjonijiet għax ippreżentaw eżatt numru ta’ kandidati li jkunu f’minoranza,” qal Muscat. F’dawn il-21 lokalità hemm 117,000 votant.

Li kieku l-Partit Laburista lagħab dik il-logħba, konna nispiċċaw f’sitwazzjoni fejn il-kunsilli b’mod awtomatiku jispiċċaw mingħajr il-bżonn ta’ elezzjoni. U dan hu dak li ried il-Partit Nazzjonalista.

Quddiem din is-sitwazzjoni l-Prim Ministru kellu messaġġ wieħed – dak ta’ rieda u ħeġġa biex nivvutaw għal dawn l-elezzjonijiet.

“Issa rridu nkomplu nxammru l-kmiem, fadal tnejn u tletin ġurnata, inkomplu naħdmu u ma nħallux lil min idaħħlilna xi sens ta’ superjorita’. M’hawnx walk-overs f’dawn l-affarijiet. Ħa ninżlu fil-ground b’ħeġġa kbira u ma nieħdu xejn for granted. Anzi jekk ħaddieħor ma jridx li noħorġu nivvutaw, aħna iktar noħorġu nivvutaw nhar il-ħamsa u għoxrin ta’ Mejju.”

Surplus tan-nies li jasal għand in-nies

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-aħbar pożittiva li ħarġet illum li Malta kellha surplus. Tkellem dwar kif m’hemmx dubju li dan it-tielet surplus konsekuttiv u t-tieni l-akbar fl-Unjoni Ewropea se jkun qed jagħmel differenza lil kull ħaddiem, żagħżugħ u anzjan.

Hekk qal il-Prim Ministru fejn spjega kif “din mhux kwistjoni biss ta’ numru. Hija kwistjoni li taffettwa kull persuna li hawn fil-pajjiż. Aħna daħħalna fil-vokabolarju kelma ġdida – surplus.”

Dan ir-riżultat ma nkisibx billi bdew jittieklu flus minn ġewwa kif ġara f’pajjiżi oħra madwar l-Ewropa li spiċċaw ikeċċu n-nies minn mal-Gvern, inaqqsu l-penzjonijiet, ma jinvestux fl-infrastruttura u jgħollu t-taxxi. Il-Prim Ministru fisser kif dan l-istess xenarju kien simili taħt Gvern preċedenti fejn tmexxija ekonomika ħażina sarrfet f’deficit eċċessiv.

“Aħna ma sibnix sodda mifruxa… Mill-qasam finanzjarju sibna kantun ta’ mitejn u ħamsin miljun ewro. Kellna żewġ għażliet – jew li neqirdu u nweħħlu kollox f’ta’ qabilna jew li nieħdu deċiżjonijiet,” qal il-Prim Ministru fid-dawl li dan il-Gvern dawwar l-ekonomija minn ċirku vizzjuż għal dak virtjuż.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend