Huwa ta’ skantament kif il-Partit Nazzjonalista qed jgħid li l-gvern qed jonqos lill-pensjonanti meta l-fatti juru mod ieħor, speċjalment meta mqabbla ma’ żmien il-gvern Nazzjonalista.
Qal dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fi tmiem zjajjar f’fabbriki fil-Mosta mill-Partit Laburista.
Il-Ministru Fearne qal li dan il-gvern żied il-pensjonijiet għall-ewwel darba f’ġenerazzjoni. Sostna li aktar min hekk, l-għoli tal-ħajja taħt din l-amministrazzjoni kumparat mal-għoli tal-ħajja taħt amministrazzjoni Nazzjonalista huwa n-nofs.
“Mhux biss żidna l-pensjonijiet imma naqqasna t-toqol tal-għoli tal-ħajja. Allura meta l-PN jikkritika lilna li m’għamilna xejn għall-pensjonijiet ikun qiegħed jikkundanna lilu nnifsu li mhux talli m’għamel xejn biex ittejjibhom talli għamel ir-rigress fil-pensjonijiet fi żmienu,” qal Fearne.
Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament qal li jekk wieħed iqabbel l-ewwel sentejn wara l-aħħar l-elezzjoni mal-ewwel sentejn wara l-aħħar elezzjoni li rebaħ il-PN, l-għoli tal-ħajja llum huwa ta’ 3.5% meta mqabbel ma’ 8.9% fl-2010.
Dan kien ifisser piż ogħla fuq l-iżjed affarijiet essenzjali, spjega Fearne.
Mistoqsi dwar il-mediċini, id-Deputat Prim Ministru qal li fi żmien gvern Laburista il-mediċini out of stock saru xi ħaġa tal-passat.
Dan b’kuntrarju għal żmien l-amministrazzjoni Nazzjonalista, meta parti sostanzjali tal-pensjoni kienet titnefaq sabiex l-anzjani jkunu jistgħu jixtru mediċini li kienu ntitolati għalihom.
“Fi żmien il-gvern Nazzjonalista il-pensjonanti kienu jonfqu nofs il-pensjoni tagħhom fuq mediċini li huma ntitolati għalihom imma li kienu out of stock,” qal Mister Fearne.
Il-Ministru għas-Saħħa temm jgħid li llum hawn mal-1000 anzjan u anzjana li qegħdin jirċievu l-mediċini tagħhom id-dar.