Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia nieda l-kampanja elettorali tal-Parlament Ewropew u l-kunsilli lokali b’mod partiġġjan u diviżiv, fejn sejjaħ lill-Partit Nazzjonalista bħal Malta oħra u Malta differenti.
“Hawn Malta differenti. Hawn Malta oħra,” qal Delia.
Fl-ewwel jum tal-kampanja, li għal Partit Nazzjonalista bdiet fuq sieq ħazina bi zball oħxon fil-Malti u bi kritika mill-partitarji nazzjonalisti lejn l-istrateġisti tal-Partit, Adrian Delia ma propona xejn. Minflok qal li f’din il-kampanja l-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed jiġġieled.
“Imma nistgħu niġġieldu!” qal Delia.
Qabel Adrian Delia, tkellem is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli. Qal li pajjizna qiegħed isofri tort ta’ politika ekonomika ħazina.
Dan anki jekk pajjizna għandu ekonomija b’saħħitha, tkabbir ekonomiku robust u l-pjan ekonomiku tal-gvern wassal sabiex pajjizna jirreġistra s-surplus.
Adrian Delia beda l-kampanja billi evita l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti. Filfatt, għat-tnedija tal-kampanja li saret t-tnejn filgħaxija l-ġurnalisti ma tħallewx jattendu għal din l-attivita sabiex ma jippruvawx isaqsu l-mistoqsijiet lil Delia.
Dan f’mument fejn il-partit nazzjonalista għadu f’baħar ta’ inkwiet u Adrian Delia qiegħed jiffaċċja allegazzjonijiet serji li daħħal flus f’kont bankarju f’jersey ġejjien mill-prostituzzjoni.
Il-ġurnalisti ta’ ONE News ipprovaw jattendu għall-attivita tal-Partit Nazzjonalista. Izda l-uffiċjali tal-Partit baqgħu jinsitu li għal attivita jista jattendi biss il-cameraperson u l-ġurnalisti jsegwu l-attivita minn fuq Facebook.