Ħamest elef persuna li huma eliġibbli diġa applikaw għal rifużjoni ta’ taxxa żejda mħallsa fuq il-karozza li xtraw fis-sena elfejn u tmienja.
Dawn jiffurmaw parti minn total ta’ sitt elef u tliet mitt persuna li bejnitehom huma ntitolati erba miljun u disa mitt elf ewro f’għotjiet lura.
Kif imħabbar fl-aħħar Baġit, il-Gvern se jkun qed jagħti rifużjoni ekwivalenti għall-ammont ta’ VAT li tħallas fuq it-taxxa tar-reġistrazzjoni lil sidien li rreġistraw il-vettura tagħhom bejn l-ewwel ta’ Jannar u l-aħħar ta’ Diċembru tal-elfejn u tmienja.
Minn dan l-ammont irid jitnaqqas mija u għaxar ewro fuq vetturi jew ħamsa u ħamsin ewro fuq muturi li kien diġa tħallas lura fl-2014 meta tħabbret l-iskema.
L-applikanti eliġibbli għal din l-iskema ġew infurmati minn Transport Malta, u għandhom sas-sitta u għoxrin t’ April biex jibgħatu l-formoli tal-applikazzjoni lura lil Transport Malta.
F’Marzu li għadda, waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministri Ian Borg u Edward Scicluna kienu niedew għall-aħħar darba din l-iskema, u b’hekk se jingħalaq kapitlu ieħor ta’ inġustizzji.
Is-snin indirizzati kienu bejn l-elfejn u erbgħa u l-elfejn u tmienja, bil-Ministru Borg jgħid li b’kollox, disgħa u għoxrin elf persuna se jkunu ħadu bejniethom aktar minn tlieta u għoxrin miljun ewro.
Dan filwaqt li l-Ministru Scicluna qal li l-Gvern ta’ qabel baqa ma raddx il-flus li kienu dovuti lilu minkejja li l-Unjoni Ewropea kienet ġibditlu l-attenzjoni li dawn il-flus ma setgħux jibqgħu jittieħdu.
Ir-rifużjoni se titħallas f’pagament wieħed peremzz ta’ ċekk, u dawk kollha li huma eleġibbli iżda qatt m’ applikaw jistgħu xorta japplikaw għar-rifużjoni sas-26 ta’ April li ġej.