16-il kors differenti fil-komunità se jgħallmuna ngħixu ħajja aħjar | One News

Notifiki

16-il kors differenti fil-komunità se jgħallmuna ngħixu ħajja aħjar

Il-Gvern iffirma ftehim mal-organizzazzjoni volontarja ‘Home Economists in Action’, li se jkun mifrux fuq it-tliet snin li ġejjin. Din l-organizzazzjoni ttella’ bosta korsijiet fil-komunità bil-għan li jinħoloq għarfien li jippromwovi stili ta’ ħajja aħjar, ippjanar b’għaqal u tagħlim ta’ ħiliet.

Il-ftehim kien konkluż bejn il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet, b’finanzjament ta’ €123,000 fuq perjodu ta’ tliet snin għal 16-il kors differenti.

Dawn id-dettalji ingħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru Michael Falzon. Qal li dan huwa eżempju ċar ta’ kif il-Gvern qed ikompli jgħin għaqdiet mhux governattivi biex jagħmlu xogħol siewi fil-komunità.

Fil-fatt il-finanzjament għal fuq Public Social Partnerships għal din is-sena tela’ għal €15-il miljun, bil-maġġoranza tal-organizzazzjonijiet li jirċievu l-għajnuna jkunu jaħdmu mill-qrib ma’ persuni vulnerabbli stqarr il-Ministru Falzon.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis saħaq fuq kemm l-edukazzjoni hija importanti u fuq kemm dan il-kors huwa kruċjali għax jgħin lil dawk li jieħdu sehem fih jiksbu informazzjoni u ħiliet li bis-saħħa tagħhom jimxu aktar ’il quddiem f’ħajjithom.

Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet ingħataw ċertifikati lil dawk kollha li temmew il-kors b’suċċess.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend