Il-poplu Ukren illum qiegħed jivvota biex jagħżel il-President il-ġdid.
It-tellieqa hija bejn il-president attwali Petro Poroshenko, u l-attur komiku Volodymyr Zelensky.
Zelensky, li din hi l-ewwel esperjenza tiegħu fil-politika, kien ġie l-ewwel b’distakk kbir fl-ewwel elezzjoni, li fiha ġew eliminati disgħa u tletin kandidat ieħor, biex issa qed jaffaċċja l-president attwali Poroshenko.
Zelensky, li għandu wieħed u erbgħin sena, hu magħruf sew fl-Ukrajna għall-parti tiegħu fi drama ta’ satira politika bl-isem ‘Qaddejja tal-Poplu’.
Drama li fih jinterpreta l-karattru ta’ għalliem li jispiċċa jsir president Ukren wara li l-opinjoni tiegħu dwar il-qagħda politika fil-pajjiż tispiċċa viral fuq il-midja soċjali.
Issa qed jikkontesta din l-elezzjoni f’partit bl-istess isem tad-drama televiżiv.