Il-kapijiet ta’ dik li kienet il-Forza Nazzjonali lanqas mill-Oppożizzjoni ma żammew wegħda li għamlu mal-Għawdxin.
Il-gażżetta KullĦadd żvelat kif minkejja li fil-manifest elettorali għall-elezzjoni ġenerali qalu li gvern immexxi minnhom jaħdem għal link permanenti bejn Malta u Għawdex, Simon Busuttil u Marlene Farrugia kienu assenti mill-vot li ttieħed fil-Parlament dwar is-suġġett nhar l-Erbgħa li għadda u li sab l-appoġġ unanimu tal-membri parlamentari.
Busuttil u Farrugia m’attendewx għall-vot fil-Parlament u l-istess għamel id-Deputat Godfrey Farrugia. Minn stħarriġ li għamlet il-KullĦadd jirriżulta li kemm Simon Busuttil kif ukoll Godfrey Farrugia ma tawx raġuni għaliex kienu assenti.
Għalkemm persuni qrib il-grupp parlamentari tal-Oppożizzjoni qalu b’mod ċar li dan kien sinjal li mhux qed jappoġġjaw dan il-proġett tant bżonjuż għall-Għawdxin. Saħansitra l-Partit Demokratiku kien diġà għamel dikjarazzjonijiet f’dan is-sens.
Qed jiġbed l-għajn ukoll il-fatt li għal darb’oħra Simon Busuttil aġixxa kontra d-direzzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li kien iddikjara fl-istrutturi tal-Partit Nazzjonalista li se jivvota favur il-mozzjoni mressqa mill-Gvern.
Marlene u Godfrey Farrugia telgħu fil-Parlament fuq il-lista tal-Partit Nazzjonalista għalkemm illum jgħidu li jirrappreżentaw biss lill-Partit Demokratiku. Iżda minkejja dan xorta waħda għad għandhom rabta qawwija ma’ Simon Busuttil u l-fazzjoni tiegħu fil-Partit Nazzjonalista.
Tant li mkejjen fil-grupp parlamentari Nazzjonalista qalu mal-KullĦadd li ma kinux sorpriżi li għal darb’oħra kienu qed jieħdu pożizzjoni kontra Delia.
Iżda fuq kollox kienet pożizzjoni kontra dak imwiegħed minn Busuttil u Farrugia stess. Xi ħaġa li nnota l-Prim Ministru Joseph Muscat ukoll meta tkellem fil-Parlament.
Il-Prim Ministru spjega li l-Parlament intalab biex jieħu direzzjoni strateġika fuq dan il-proġett. Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana enfasizzat kif dan il-proġett huwa msejjes fuq prinċipju li l-iżvilupp ikun wieħed sostenibbli f’kuntest li jiġu ffaċilitati l-ħajjiet primarjament tal-Għawdxin.
Il-Ministru għall-Infrastruttura u t-Trasport Ian Borg qal li x-xogħlijiet li saru bir-reqqa waslu biex dan il-Gvern iħares ’il quddiem għall-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett wara li jkunu ppubblikati l-istudji kollha.