Il-Kunsilli Lokali se jingħataw €120,000 għal proġetti u inizjattivi favur il-ħarsien tal-annimali | One News

Notifiki

Il-Kunsilli Lokali se jingħataw €120,000 għal proġetti u inizjattivi favur il-ħarsien tal-annimali

Fond ta 120,000 ewro se jagħti l-opportunità lill-Kunsilli Lokali li jwettqu proġetti sabiex jinħolqu iżjed postijiet għall-annimali u inizjattivi oħra għall-ħarsien tagħhom.

Fost il-proġetti li l-kunsilli se jkunu jistgħu iwettqu, il-fond se jkun użat biex isiru spazji miftuħa għall-klieb, cat cafès u kampanji ta’ neutering.

Is-segretarju parlamentari, Clint Camilleri saħaq li permezz ta’ dan il- fond il-gvern qed jagħti prova oħra ċara tal-importanza li jiġu mħarsa l-annimali f’pajjiżna. Dan wara li qed issir ħidma sabiex jiżdiedu l-multi fuq min iwettaq reati ta’ moħqrija fuq l-annimali:

“Jagħti l-opportunità lill-Kunsilli Lokali tagħna biex jissottomettu proġetti li jistgħu jinkludu bħal dog parks, cat cafés, neutering campaigns, kampanji edukattivi fil-lokalitajiet tagħna biex inkomplu nsaħħu u nrawmu l-kultura favur il-ħarsien tal-annimali, u aktar minn hekk ser inkunu qiegħdin nagħtu l-opportunitá liċ-ċittadini tagħna jkunu involuti b’mod dirett ukoll fejn jidħol il-qasam tal-animal welfare.”

Stqarr li kull Kunsill Lokali li jkollu l-proġett magħżul minn kumitat apposta jista’ jibbenefika minn 8,000 ewro.  Madankollu, jekk ikun hemm bżonn, il-gvern jista’ jagħżel li jalloka iżjed fondi mill-fond.

Is-Segretarju Parlamentari  Silvio Parnis saħaq li permezz ta’ emenda fil-liġi, il-kunsilli Lokali issa huma obbligati li jkollhom kunsillier li huwa inkarigat mill-ħarsien tal-annimali.

“Ħadna ħsieb li fost in-numru ta’ responsabilitajiet li tajna issa bil-liġi li kull Kunsillier issa jrid jagħti responsabilitajiet, u jrid jagħti imbgħad rendikont fl-aħħar tas-sena tax-xogħol li għamel, ħassejna l-bżonn ukoll li fost ir-responsabiltajiet li se jibda jkollhom il-Kunsilliera tagħna, irid ikun hemm bilfors bil-liġi responsabilità għall-ħarsien tal-annimali”.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend