Alfred Sant jitfa’ n-nomina tiegħu għall-elezzjonijiet Ewropej – One News

Notifiki

Alfred Sant jitfa’ n-nomina tiegħu għall-elezzjonijiet Ewropej

Alfred Sant dalgħodu tefa’ n-nomina tiegħu ta’ kandidat għall-elezzjonijiet Ewropej f’isem il-Partit Laburista f’dik li iddeskriva bħala l-aħħar elezzjoni li se jkun qed jikkontesta.

“Din se tkun l-aħħar kampanja tiegħi. Dħalt għaliha għax ġejt konvint li bħalissa għandna nkunu kulħadd “on deck” biex fl-Ewropa mill-Parlament Ewropew nilħqu żewġ miri essenzjali. L-ewwel li nirribattu u nrażżnu bil-verità l-kampanja ta’ żebliħ tal-isem u r-reputazzjoni ta’ Malta, li bl-għajnuna ta’ forzi politiċi lokali, bdiet titmexxa minn hemm. It-tieni li naħdmu bla heda biex fl-Ewropa titrawwem mill-ġdid kuxjenza soċjali u titneħħa l-inugwaljanza li baqgħet tikber hemm fl-aħħar snin. Biex nilħqu dawn il-miri, neħtieġu nimmobilizzaw l-impenn, il-ħeġġa, ir-rieda, it-tagħrif u l-esperjenza kollha li huma tagħna. Hu b’dawn il-kwalitajiet li biħsiebni nieħu sehem f’din il-kampanja u jekk il-poplu Malti u Għawdxi jagħtini l-fiduċja tiegħu, bihom li naqdi l-mandat li jmiss fil-Parlament Ewropew.” qal l-ex Mexxej Laburista wara li tefa’ n-nomina tiegħu fin-Naxxar.

Alfred Sant irringrazzja lil Alison Zerafa Civelli, Helena Dalli, Christian Zammit u Joe Debono Grech  li innominawh għall-elezzjonijiet Ewropej.

Kien il-Prim Ministru Joseph Muscat li ħeġġeġ lil Alfred Sant jikkontesta dawn l-elezzjonijiet. “Nemmen li x-xogħol tiegħu se jibqa’ jkun imprezzabbli f’isem pajjiżna. Malta għandha bżonnok. Fil-Parlament Ewropew Alfred Sant iddefenda lil Malta, iddefenda lili personalment, iddefenda lill-Partit Laburista u fuq kollox iddefenda lil Malta. Malta għandha bżonn lil Alfred Sant.” saħaq il-Prim Ministru.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend