14,220 kilogrammi droga tinħaraq mal-laħam fl-inċineratur tal-Marsa | One News

Notifiki

14,220 kilogrammi droga tinħaraq mal-laħam fl-inċineratur tal-Marsa

Fl-ewwel erba’ xhur tas-sena, inqerdu 14,220 kilo droga li nqabdet f’diversi operazzjonijiet tal-pulizija u uffiċjali tad-Dwana. Id-droga nħarqet fl-inċineratur tal-Wasteserv fil-Marsa.

Statistika li kiseb ONE News mill-Wasteserv turi li f’Jannar inqerdu 8,840 kilo, fi Frar 5,100 kilo u 280 kilo oħra f’April.

Is-Supretendent Johan Fenech mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Drogi, spjega li d-droga tinħaraq fi proċess mill-aktar rigoruż u trasparenti; bl-operazzjoni ssir taħt għajnejn bosta uffiċjali tal-Pulizija. Qal li d-droga tittieħed fl-inċineratur taħt sigurtà kbira fosthom dik tal-uffiċjali tal-‘Ispecial Intervention Unit’.

Is-Supretendent Fenech qal li “meta l-iskwadra ta’ kontra d-drogi tkun lesta mill-investigazzjonijiet li tkun għamlet fost oħrajn ta’ minn fejn ġiet u fejn kienet sejra, imbagħad isir rikors biex id-droga tiġi maħruqa. Ġaladarba l-inkjesta tkun ingħalqet il-maġistrat tagħti permess biex id-droga tiġi maħruqa.”

F’din l-operazzjoni jieħdu sehem ukoll l-uffiċjali tat-taqsima forensika tal-Pulizija. L-Ispettur Charlot Casha qal li dan il-proċess jiġi ffilmjat mill-bidu sal-aħħar. Ir-‘recording’ jibda mill-ħin li d-droga tkun fil-maħżen u jibqa’ għaddej tul il-vjaġġ.

“Minn hemmhekk sal-inċineratur jibqa’ jsir ir-‘recording’ tal-proċess kollu, saħansitra hi u tiddaħal fl-inċineratur jibqa’ jittieħed ir-‘recording’. Dan isir biex ikollna r-‘recording’ li din id-droga hi l-istess waħda li l-Qorti ordnat biex tiġi distrutta.” Qal l-Ispettur Charlot Casha mit-taqsima forensika tal-Pulizija.

L-inġinier Ryan Cauchi responsabbli mit-tħaddim tal-inċineratur jispjega li d-droga tiġi ppakkjata f’kontenituri apposta u titħallat ma’ laħmijet sabiex ma ttellax temperaturi esaġerati. Qal li din it-taħlita mbagħad tintefa’ fl-inċineratur minn bokka apposta.

“Jiġifieri fil-każ tad-droga li jkollha potenzjal qawwi ħafna li ttellgħa t-temperaturi, nieħdu ħsieb li nħalltu ammont ta’ laħmijiet li fihom diversi ammonti ta’ ilma, biex b’hekk ovvjament waħda kontra l-oħra nkunu nistgħu nżommu l-kundizzjoni tal-impjant stabbli. Minn hemmhekk jieħdu erba’ sigħat f’1000 grad biex niżguraw li x-xogħol kollu jiġi distrutt kompletament.”

L-inġinier Cauchi qal li l-qofol tax-xogħol isir fil-forn.

“Il-forn huwa ċ-ċilindru li l-ħin kollu qed idur allura dak id-dawrien qed niżguraw li x-xogħol dejjem qed jinqaleb u jinkixef wiċċ ġdid biex jaqbad.”

Il-Professur Emmanuel Sinagra – espert tal-qorti – jispjega li f’din l-operazzjoni jerġgħu jsiru għadd ta’ eżamijiet forensiċi. Qal li jieħu kampjun mid-droga biex jaċċerta li dak hu l-materjal li l-qorti ordnat li jinqered.

“Neleva ammont biex nieħu kampjun biex jien nara dak li hemm huwa dak li kien hemm qabel, u ma kienx hemm xi affarijiet li xi ħadd biddel eżempju ‘washing powder’ flok kokaina.” Spjega l-Professur Sinagra.

Id-droga tinħażen u tiġi ttrasportata wkoll f’boroż u siġilli apposta li ma jħallux lok għal tbagħbis. L-eks Spettur tal-Pulizija John Charles Ellul, li fi żmienu ddaħħal dan il-proċess rigoruż, qal li dan iwassal biex id-droga ma tiġix mittiefsa.

Spjega li “jsir rapport dettaljat ta’ dak kollu li hemm. Iġifieri ssir rikonċiljazzjoni assoluta u għalhekk ma jistax ikun hemm xi ħaġa nieqsa. Issir rikonċiljazzjoni assoluta ta’ kemm kien hemm trab, weraq, karti, plastik, labels ta’ kollox. Iqabblu l-piż ta’ dak li kien hemm oriġinarjament ma’ dak li hemm preżentament u ssir id-distruzzjoni u jerġa’ jsir rapport.”

Id-dokumentazzjoni kollha tiġi ppreżentata quddiem il-Maġistrat biex tkun tista’ tingħalaq l-inkjesta. Ġeneralment il-Maġistrat Inkwirenti jkun ukoll preżenti għal dan il-proċess.

L-Eks Spettur John Charles Ellul qal li “nistgħu nserrħu ras in-nies hemm barra li anke wara l-proċess tal-inċineratur ir-residwi li jibqgħu mhumiex fl-istess forma, ma għandhomx il-‘properties’ u l-kimika li qatt kellha d-droga u qed nirreduċuha għal ‘carbon’ biss.” Is-Supretendent Johann Fenech qal li “wara dan il-proċess wieħed ikun ċert li bħala droga ġiet distrutta kollha u ma jkun hemm l-ebda lok għal tbagħbis”. Dan filwaqt li l-Professur Sinagra temm jgħid : “Il-proċess huwa ta’ accountability mill-bidu sal-aħħar.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend