Fl-aħħar analiżi tiegħu tal-ekonomija Maltija għas-sena li għaddiet, il-Kunsill Fiskali Konsultattiv Malti qal li t-tkabbir ekonomiku fl-aħħar snin kien b’saħħtu u sostnut bil-ħolqien ta’ impjiegi.
Tkabbir ekonomiku li fi kliem iċ-ċermen tal-kunsill, John Cassar White wassal sabiex il-bilanċ fiskali annwali jinbidel minn deficit għal surplus.
Qal li t-tkabbir fl-attività ekonomika u t-titjib fil-finanzi pubbliċi wasslu għat-tnaqqis kostanti fid-dejn bħala proporzjon tal-Prodott Domestiku Gross.
One News tkellem mal-ekonomista, Malcolm Bray li magħna fisser kif l-inċentivi li l-Gvern ta lill-mara biex tidħol fis-suq tax-xogħol kienu fost il-fatturi ewlenin li wasslu għal dan it-tkabbir:
“Il-miżuri li jinkoraġixxu wkoll aktar nisa jaħdmu fis-suq tax-xogħol, dan jidher li matul is-snin qed jiġġenera wkoll kontribut pożittiv importanti”
Il-Kunsill Fiskali fakkar fl-importanza li dawn il-kisbiet ma jintilfux b’infiq mhux sostenibbli jew tnaqqis fid-dħul bla bżonn.
Fl-istess ħin, qal kif jeħtieġ li jinżamm bilanċ sabiex l-allokazzjonijiet annwali tan-nefqa fil-Ministeri u l-funzjonijiet tal-istat jissalvagwardjaw il-kwalità fis-servizzi pubbliċi. Qal li dan huwa neċessarju sabiex jinżamm il-potenzjal ta’ tkabbir fit-tul tal-pajjiż u biex issostni l-koeżjoni soċjali.
“Bażikament aħna rajna li matul is-snin il-Gvern prova kemm jista’ jkun jagħmel l-ekonomija tikber u din għenet biex iġġenerat kemm impjiegi u kemm finanzi pubbliċi, issa aħna qed ngħidu li għal quddiem tajjeb li dan is-surplus jibqa’ hemmhekk biex ikun ta’ salvagwardja kontra r-riskji li jistgħu xi darba jimmaterjalizzaw”
Il-Kunsill Fiskali jqis ukoll bħala pożittiv il-fatt li l-Gvern ħa l-inizjattiva sabiex jitlob lill-Fond Monetarju Internazzjonali biex tivvaluta t-trasparenza tal-politika fiskali ta’ Malta.
Il-Kunsill laqa’ r-riżultati pożittivi li nkisbu, peress li kważi l-prinċipji kollha diġà qed jiġu osservati.
Fl-istess ħin, il-Kunsill ħeġġeġ lill-Gvern biex jieħu l-passi neċessarji sabiex jinkiseb iktar titjib fit-trasparenza fiż-żmien suġġerit mill-IMF, partikolarment dwar ir-riskji fiskali u s-sitwazzjoni finanzjarja tal-korporazzjonijiet pubbliċi fost oħrajn.