L-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) tixtieq tgħarraf lill-pubbliku dwar sejħa tal-prodott Fisher Price Rock ‘N Play Sleeper. Dan il-prodott mhux sigur u m’għandux jintuża.
Din is-sejħa tapplika għall-mudelli kollha ta’ Fisher Price Rock ‘N Play Sleeper. Il-mudelli li tqassmu fl-Ewropa huma FWX180, SKUs, DMJ24, FHW34, FWH33 u FNR95.
Dawn il-prodotti huma perikolużi u kkawżaw fatilitajiet, speċjalment meta intużaw minn trabi li għandhom iktar minn 3 xhur.
L-MCCAA tinsab f’kuntatt mal-manifattur li kkonferma li ma kien hemm l-ebda distribuzzjoni uffiċjali tal-prodott fis-suq Malti. Madankollu, l-importaturi lokali ġew ukoll infurmati b’din is-sejħa u huma mħeġġa jassiguraw li dan il-prodott ma jitqiegħedx fuq is-suq. Barra minn hekk, il-manifattur għarraf lill-MCCAA li dan il-prodott kien disponibbli wkoll fuq Amazon u s-sit ġie kkuntattjat biex jiċċekkja jekk xi prodotti nbigħux lill-konsumaturi Maltin.
Wieħed jista’ jikkuntattja l-MCCAA fuq marketsurveillance@mccaa.org.mt għal aktar informazzjoni jew għal kwalunkwe mistoqsija dwar din il-kwistjoni.