Il-kumpanija tal-Smartlynx hija l-ħamsa u tletin kumpanija li ngħatat iċ-Ċertifikat tal-Operatur tal-Ajru minn Transport Malta, u b’hekk saret tagħmel parti mir-reġistru tal-avjazzjoni ta’ pajjiżna.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-kumpanija mil-Latvja spjegat kif kienet qed tħares lejn alternattivi fejn tista tkabbar l-operat tagħha.
Ruta Bogdane, id-Direttur tal-Monitoraġġ tal-Konformita ta’ Smartlynx, spjegat kif pajjiżna kien l-għażla naturali grazzi għas-suċċess li qed jikseb f’dan is-settur.
“And then we were making some market research and Malta was on the top to come here and expand. And our choice was very good because we are proud of results, we got AOC this week and the work we invested in order to get it done proved that our choice was really correct”
Il-kumpanija diġà għandha ajruplan irreġistrat f’pajjiżna li huwa wieħed mit-tlett mija u ħmistax li jtajru l-bandiera Maltija. Numru li huwa d-doppju ta’ dak li kien hemm fl-elfejn u tnax.
Il-ħsieb ta’ Smartlynx huwa li jirreġistraw iktar ajruplani f’pajjiżna fis-snin li ġejjin.
Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal li l-miri huma li sa tmiem dis-sena, kumpaniji bħal Smartlynx jiżdiedu għal erbgħin, filwaqt li jkun hawn erba mitt ajruplan irreġistrat f’pajjiżna.
Spjega kif din l-industrija qed tħaddem tlett elef u mitejn impjieg ta’ kwalita, u l-ħsieb hu li jsegwi s-suċċessi miksuba fis-settur marittimu.
Il-Kaptan Charles Pace, li huwa d-Direttur Ġenerali tad-Direttorat għall-Avjazzjoni Ċivili, stqarr li t-tkabbir huwa wieħed kontinwu.
“Is settur kiber, kiber immens. Qed jikber day by day, filfatt qegħdin naraw li l-espansjoni sal-aħħar tas-sena ħa tkun naħseb rekord, wara r-rekord tas-sena li għaddiet. Kien hemm effett pożittiv jekk nistgħu insejħulu hekk minħabba Brexit li kien hemm nies li mexxew anke l-liċenzji tagħhom lejn malta. Kellna increases ta 35% 38% f’dak li huma piloti, cabin crew li mxew Malta ħabba -Brexit u wkoll is-suq lokali”
Irrimarka wkoll li huwa d-Direttorat li jara kif se tissaħħaħ il-konnettivita, filwaqt li jixpruna t-taħdidiet bejn Malta u pajjiżi oħra.
“Jekk tara l-ammont ta’ nies ażjatiċi mill-Ġappun, minn South Korea, mill-Amerka, mill-Kanada li jmorru l-Ewropa jfittxu l-kultura, ifittxu l-istorja, naħseb li aħna neqsin ħafna minnu. Ir-role tagħna hu li nibdew l-ewwel taħdidiet f’dan ir-rigward mal-counterparts tagħna, ġenerlament is-civil aviation biex nistabilixxu dak il kuntatt.”
Il-Ministru Ian Borg stqarr li l-investituri jikkunsidraw il-bandiera Maltija għax hija ġurisdizzjoni serja u flessibbli.