Jiżdied ix-xogħol tal-furnar fi żmien il-Ġimgħa Mqaddsa – One News

Notifiki

Jiżdied ix-xogħol tal-furnar fi żmien il-Ġimgħa Mqaddsa

Il-Ġimgħa Mqaddsa f’pajjiżna ma ġġibx biss magħha żmien ta’ sawm iżda wkoll bostra tradizzjonali li l-Maltin jistennew minn sena għal sena.  Bejn il-kwareżimar tar-Randan u l-Figolli tal-Għid, f’Ħamis ix-Xirka tidħol fil-kċejjen Maltin “il-qagħqa tal-appostli”.

ONE NEWS żar il-forn ta’  Paul ta’ Kalċ f’Ħal Qormi,  fejn segwejna l-proċess mill-qrib ta’ kif issir din il-ħobża tradizzjonali.

Il-furnar, Paul Vella magħruf aħjar bħala ‘Ta’ Kalċ’ spjega l-qagħqa tal-appostli jgħaġġnuha bħalma jgħaġnu l-bezzun.

“ L-ingredjenti huma dqieq, melħ, ħmira, bread improver u summerdough, għandek ftit butir ħelu, marġerina u daqxejn zokkor.  Ngħaġġnuhom flimkien, flimkien mal-ilma, jagħmlu qisu xi kwarta iduru.”

Wara li jħallu l-għaġina toqgħod għal ħames minuti jibdew jiffurmawaha.

Saħaq kif il-proċess inbidel sew minn kif kienu jagħmluha n-nanniet tiegħu li wkoll kienu furnara għax illum l-għaġina ssir u tinqata’ permezz tal-magna filwaqt li qabel kollox kien isir bl-idejn.

“Nitfugħa ġol-magna, joħorġu biċċiet, isir bezzun, inħallieħ joqgħod, għal xi ftit tal-ħin, imbgħad nitfugħhom fuq xulxin, nibdew niffurmawha bħala qagħqa.  Intuha l-ġunġlien, nagħmluha ġol-landi,  kif illestuhom imbagħad naqbdu nagħmlu l-lewż, bħala lewż nagħmlu sitta u ntuhom qasma bejn kull lewża.”

Biex iżommu mat-tradizzjoni, il-qagħqa tinħema fil-forn tal-ħatab.

Pawl ta’ Kalċ qalilna li l-aqwa mod kif tittiekel il-qagħqa jibqa’ dejjem b’dilka butir immellaħ. Qalilna li t-talba għaliha żdiedet ħafna u l-fran saru jaħdmuha tul ir-randan kollu. Madankollu l-produzzjoni tagħha mid-Duluri sal-Ġimgħa l-Kbira ma tieqafx.

“Aħna qisu nibdewha xagħar qabel il-qagħqa, nibdewha bi ftit, dak li jkun ikun qisu ilu ma jduqha jixtriha, imbgħad iktar ma nersqu lejn id-duluri, kulħadd qisu l-ġurnata tad-duluri, kulħadd jiġu jieħu qagħqa iktar milli ħobża, imbgħad qisek terġa tibda f’Ħamis ix-Xirka u imbgħad il-qofol tagħha fil-Ġimgħa l-Kbira filgħodu l-iktar li tinbiegħ.”

Paul ta’ Kalċ qal li għalkemm f’dawn it-tlett ijiem, il-klijenti tiegħu jfittxu iżjed il-qagħqa tal-appostli, il-ħobza tal-Malti xorta waħda tibqa’ popolari.

Dan speċjalment ma’ dawk li għadhom jagħmlu s-sawma tradizzjonali tal-ħobż u l-ilma f’nhar il-Ġimgħa l-Kbira.   B’hekk il-furnara jibqgħu jaħmu fornata ħobż u ftajjar tal-Malti kull sagħtejn bħall-kumplament tas-sena.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend