Il-komunita ta’ Ħ’Attard għandha berġa ġdida u moderna minn fejn se jibdew jingħataw aktar servizzi mediċi.
Dan bħala parti mill-programm u l-mira tal-Gvern li s-servizzi mediċi jitressqu kemm jista’ jkun aktar qrib iċ-ċittadin, kif spjega d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.
“Illum qed ninawguraw Berġa ġdida f’Ħ’Attard li se tkun miftuħa kuljum, ħa jkollha servizzi mhux biss tradizzjonali tat-tabib u tan-nurse, imma anke podiatry, anka speech language pathology, u anke mental health clinic. Bhala politika taghna, li nifirxu aktar is-servizzi vicin in-nies u nnaqqsu l-bżonn li n-nies bilfors irid imur ġol-isptarijiet tagħna,” qal id-Deputat Prim Ministru.
Fil-fatt is-servizzi tal-patoloġija tal-lingwa mitkellma u l-istil ta’ ħajja b’saħħitha qed jingħataw għall-ewwel darba.
Huwa fisser il-kura primarja bħala s-sinsla tas-saħħa ta’ pajjiżna u spjega li sfortunatament din għal snin twal ma ngħatatx l-importanza li jistħoqqilha.
Qal li aktar importanti mit-tisbiħ f’dan il-post, huma s-servizzi li se jingħataw lill-madwar ħdax-il elf resident f’din il-lokalità u lir-residenti tal-madwar, li jammontaw għal aktar minn sitta u għoxrin elf.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kura Primarja, Roseanne Camilleri, spjegat li l-proġett twieled bħala proġett pilota, u ntlaqa’ tajjeb ferm.
“U se nibqgħu sejrin b’dan il-pass għax qed naraw li l-ħsieb tagħna, li nespandu is-servizzi minn ġol Health Centres għal ġol-community clinics, jagħmel ħafna sens,” qalet Camilleri.
Fil-fatt spjegat kif s’issa diġà saru xogħlijiet simili fuq il-bereġ ta’ Ħaż-Żebbuġ, Pietà, u x-Xewkija, u għaddej ix-xogħol fuq għadd ta’ bereġ oħrajn.
Xogħol li jfisser li s-servizz tas-saħħa qed imur iktar qrib in-nies, u li jagħti l-opportunità biex iċ-Ċentri tas-Saħħa jkunu jistgħu joffru iżjed servizzi u servizzi aħjar.