Marie-Louise Coleiro Preca, il-President Emeritu, u chairperson tal-Fondazzjoni ta’ Malta għall-Ġid tas-Soċjeta’, ġiet maħtura fit-tmexxija ta’ l-organizzazzjoni Eurochild, netwerk Ewropea prestiġġjuża li taħdem favur id-drittijiet tat-tfal, b’aktar minn 170 membru minn 34-il pajjiż differenti.
Illum, l-Assemblea Ġenerali tal-Eurochild eleġġiet lil Coleiro Preca bħala l-President tal-Eurochild fid-dawl tal-fatt li minn dejjem kienet instrumentali biex tagħti vuċi lit-tfal, u anke għad-dedikazzjoni tagħha lejn il-wellbeing tas-soċjeta’ u ta’ dawk l-aktar vulnerabbli.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Eurochild, Jana Hainsworth qalet: “Aħna nħossuna onorati u kuntenti li ser jkollna t-tmexxija ta’ champion li minn dejjem kienet kommessa favur id-drittijiet tat-tfal. Il-viżjoni ta’ l-Eċċellenza Tagħha rigward id-drittijiet tat-tfal u l-għarfien tagħha tad-dinja politika, ser jiftħu bibien ġodda għall-Eurochild u ser jwasslu sabiex din in-network, tibqa’ taħdem bla ebda xkiel, hekk kif issa ser ikun hemm bidliet fl-Istituzzjonijiet Ewopej, u anke aktar ‘il quddiem,”
Eurochild hija network ta’ organizzazzjonijiet Ewropej li jaħdmu mat-tfal u għat-tfal – għaqdiet li b’ħidmiethom jassiguraw li lkoll ngħixu f’soċjeta’, li tirrispetta d-drittijiet tat-tfal. Grazzi għall-għerf konġunt tal-membri kollha, li jammontaw għal aktar minn 170-il organizzazzjoni – Eurochild taħdem bi sħiħ sabiex tinfluwenza policies fl-organi ewlenin ta’ l-Ewropa.
Bi preparazzjoni għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tax-xahar id-dieħel, Eurochild qed tikkampanja għal Parlament li jaħdem favur it-tfal permezz tal-kampanja “Vote for Children.”
Il-President Emeritu Coleiro Preca stqarret li hija onorata li f’dan ir-rwol il-ġdid u qalet li l-parteċipazzjoni attiva tat-tfal kienet fiċ-ċentru tal-ħidma tagħha, kemm meta kienet Ministru tal-Familja u s-Solidarjeta’ Soċjali u anke meta serviet bħala President ta’ Malta.
“Hija x-xewqa tiegħi li bħala President ta’ din l-organizzazzjoni tant prestiġġjuża, naħdem sabiex nassigura li l-parteċipazzjoni attiva tat-tfal ikun mudell fuq livell Ewropew b’mod ħolistiku, biex b’hekk tingħata l-importanza meħtieġa lejn il-vuċi tat-tfal. Tassew nemmen li globalment, l-Ewropa jista’ jkollha rwol ewlieni f’dan ir-rigward,” qalet Coleiro Preca.
“Nixtieq ukoll nara li Eurochild tkompli ssaħħaħ r-rabtiet tagħha ma’ diversi organizzazzjonijiet internazzjonali fosthom anke l-kollaborazzjoni mal-Kunsill ta’ l-Ewropa.”
Fl-2014, Coleiro Preca waqqfet il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjeta’, – li issa biddlet isimha għal The Malta Foundation for the Wellbeing of Society. Permezz ta’ din il-Fondazzjoni u permezz ta’ enfasi intensifikata fuq il-parteċipazzjoni attiva tat-tfal ġiet stabbilita The Children’s Hub, The President’s Secret Garden, u il-Kunsill tat-Tfal u l-Kunsill taż-Żgħażagħ.
“Tassew kuntenta li qed nara li Eurochild qed taddotta dan l-istess mudell. B’ħidma ma’ l-istati membri tal-Unjoni Ewropea u tal-Kunsill tal-Ewropa, flimkien mad-delegazzjonijiet parlamentari rispettivi tagħhom, Eurochild tista twassal id-drittijiet tat-tfal, fil-qalba tal-Parlamenti kollha fi ħdan ir-reġjun Ewropew.”