Fl-ewwel workshop għad-delegati bħala parti mill-Konferenza Ġenerali Annwali, l-Partit Laburista preżenta r-rapport finanzjarju lid-Delegati. Dan sabiex ikun jista’ jiġi diskuss flimkien mad-delegati d-dħul u l-infieq tal-Partit.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Randolph De Battista, stqarr li din se tkun Konferenza importanti propju minħabba li ninsabu fuq l-għatba ta’ żewġ elezzjonijiet kbar f’pajjiżna, l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u tal-Ewroparlamentari. Huwa stqarr li huwa bżonnjuż li l-Partit ikun f’sitwazzjoni finanzjarja b’saħħitha sabiex verament ikun jista’ isostni l-ħidma tiegħu u jżomm is-saħħa politika li għandu.
Qal li b’għaqal, bil-ħidma tal-membri u bil-ġenerożità tal-Maltin il-partit jinsab f’qagħda tajba ħafna. Huwa stqarr li l-Partit Laburista minn dejjem kien jippublika r-rapporti finanzjarji tiegħu, saħansitra sa minn qabel id-dħul tal-liġi tal-finanzjament tal-Partiti.
“Il-Partit Laburista minn dejjem, għall-aħħar snin ippubblika r-rapporti finanzjarji tiegħu, minn qabel daħlet il-liġi tal-finanzjament tal-Partiti u tajjeb illi ngħidu illi l-Partit Laburista mexxa b’għaqal il-finanzi tiegħu fl-aħħar snin, b’mod partikolari anke s-sena l-oħra, fejn illum se nkunu qiegħdin nagħtu iżjed dettalji dwar il-proġetti li dħalna għalihom. Naturalment hemm ċifra waħda li diffiċli tikkwantifikaha, li hija l-volontarjat li fuqu huwa bbażat il-Partit Laburista. Nirringrazza minn qalbi lil dawk in-nies kollha li jagħtu ħinhom u l-enerġija tagħhom għall-Partit Laburista,” qal Dr. De Battista.