Il-Gvern ser jibda jiltaqa’ mal-assoċjazzjonijiet sportivi għal aktar inklussività fl-isports.
Din id-diskussjoni bdiet mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol l-Erbgħa filgħodu bil-għan li l-inklużjoni bejn is-sessi tkun promossa f’dan l-aktar sports segwiet f’pajjiżna.
Il-Viċi-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol Matthew Paris qal kif apparti mid-diskussjonijiet ser issir kampanja biex tqajjem iżjed għarfien. L-inizjattivi tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli.
Paris spjega kif fl-aħħar logħbiet mill-Kampjonat Premier fil-grawnd nazzjonali ta’ Ta’ Qali se jintrama strixxun bil kuluri tal-LGBTIQ. Dan filwaqt li l-plejers se jilbsu l-ilwien tal-qawsalla.
“Allura permezz ta’ dawn il-proġetti l-awareness campaigns li jinvolvu kamponati Premier u anke ta’ Għawdex… il-plejers se jilbsu lazzijiet partikolari u captains armbands partikolari li jwasslu messaġġ tal-inklussivita,’ qal Dr. Paris.
Paris qal li ftit tas-snin ilu l-Assoċjazzjoni ġiet iffaċċjata minn kawża fil-qrati minħabba li l-istadium f’Ta Qali ma kienx aċċessibbli għal persuni b’diżibalità. Spjega li l-assoċjazzjoni rat li għandha tibda f’mixja sabiex verament il-futbol ikun sport ta’ inklussivita’. Qal li hekk se terġa tagħmel u sostna li din mhux se tkun biss kampanja ta’ għarfien.
“Finalment jekk l-infrastruttura ma tippermettix lin-nies li jiġu minħabba infrastruttura bħal dressing room u anke turġien għax aħna qed nitkellmu dwar inklussivita inġenerali. Jekk mhux se nagħmlu dan se jkollna d-diffikultajiet,” spjega Dr. Paris.
Ill-Ministru Helena Dalli qalet li dan qed issir wara li l-Gvern introduċa d-drittijiet kollha meħtieġa għal persuni LGBTIQ.
“Qegħdin naraw li fil-ħajja ta’ kuljum l-attitudni tas-soċjeta għad trid tinbidel iċ-ċelebrazzjoni tad-diversita’ u l-inkluzjoni,” tenniet il-Ministru Dalli.
Qalet li għalhekk laqgħet l-istedina tal-MFA biex flimkien mal-Gvern tibda b’kampanja favur l-inklużjoni. Dan anke għax din l-assoċjazzjoni tiġbed bejn 1,000 u 3,000 ruħ kull tmiem il-ġimgħa fil-grawnd ta’ Ta’ Qali.