Roddy Williams li jinsab akkużat li zamm lill-mara tiegħu f’għar fil-Kalkara sentejn ilu, tressaq il-Qorti mill-ġdid, bil-Maġistrat Donatella Frendo Dimech tordna li jinżamm arrestat.
Williams li nhar is-27 ta’ Ottbru tal-2017 żamm il-mara tiegħu Natalie Williams maqfula f’għar fil-Kalkara, kien ingħata l-ħelsien mill-arrest preventiv f’Marzu tal-2018 mill-Imħallef Antonio Mizzi. Hu kien ħallas id-depoitu ta’ €3,000 f’Ottubru li għadda u ħareġ bil-ħelsien mill-arrest fl-istess xahar.
Ġara li Roddy ma ffirmax fl-għassa fejn kellu jiffirma u għalhekk inħariġlu mandat ta’ arrest. Filfatt hu ilu mfittex mill-Pulizija għal dawn l-aħħar 45 ġurnata.
Fil-Qorti s-Supretendent Josric Mifsud, li hu wkoll l-investigatur ewlieni fil-każ tal-Pulizija kontra Williams meta allegatament żamm lil martu f’għar, qal li kemm il-darba li l-Pulizija marru jfittxuh fir-residenza fejn suppost jgħix iżda qatt ma nstab.
Roddy Williams instab nhar it-Tlieta f’rejd li l-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u tad-Distrett wettqu f’garaxx fi Triq il-Mejjilla f’Ħal Qormi. Filfatt hu kien fost is-seba persuni arrestati, u rriżulta li kien qed jgħix f’dan il-garaxx għal dawn l-aħħar tliet ġimgħat.
Mgħejjun mill-Avukat Marion Camilleri, Williams ammetta l-akkużi miġjuba kontrih għax fost oħrajn qal li ma kienx jaf li kellu jiffirma fl-għassa. Il-Maġistrat Frendo Dimech ordnat li jibqa’ arrestat fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin sakemm tiddeċiedi dwar il-każ nhar it-30 ta’ April.
Jekk kemm il-darba jinstab ħati li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest Williams jitlef €3,000 depożitu u €60,000 garanzija persunali.
Ir-Raġel mis-Seychelles tressaq il-Qorti mill-Ispettur Paula Ciantar mill-Iskwadra ta’ kontra l-Vizzji u s-Supretendent Josric Mifsud mid-Distrett.
Iktar qabel: one.com.mt jista’ jiżvela li fir-rejd għad-drogi f’Ħal Qormi li sar fil-jum tat-Tlieta ġie arrestat mill-ġdid Roddy Williams.
Williams li hu mis-Seychelles kien qed jigi akkużat li żamm lill-mara tiegħu Natalie Williams maqfula f’għar fil-Kalkara fis 27 ta’ Ottubru tas-sena 2017.
Huwa kien ingħata l-ħelsien mill-arrest preventiv mill-Imħallef Antonio Mizzi f’Marzu tal-2018. Iżda ġara li Williams ħarab u ma deherx iżjed il-Qorti.
Kien ilbieraħ waranofsinhar li f’rejd fi Triq il-Mejjilla f’Ħal Qormi mill-Iskwadra ta’ kontra d-drogi li l-Pulizija sabet lil Williams u kien fost is-seba’ persuni arrestati.