Persuna mis-Sudan li qed ifittex l-ażil u pprova jitlaq minn Malta lejn Napli b’passaport falz u b’ritratt ta’ persuna oħra ngħata sentenza ta’ sitt xhur.
Adam Eldi Abubacer ta’ ħamsa u għoxrin sena tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Monica Vella t-Tlieta filgħodu, u kien akkużat li ħoloq, kien fil-pussess u uża dokument falz.
L-Ispettur Darren Buhagiar qal li l-akkużat wasal Malta b’dgħajsa fl-2014, u applika għall-ażil. Ġie arrestat fil-jum tat-Tnejn fl-ajurport hekk kif kien se jirkeb titjira lejn Napli.
Abubacer qal lill-pulizija li huwa xtara d-dokument falz għal ħames mitt ewro mingħand xi ħadd li ltaqa miegħu darba fil-Marsa. Madanakollu, ma setax jiftakar ismu.
Il-Qorti wissiet lill-akkużat li jista jmur il-ħabs, qabel reġgħet saqsietu jekk hux qed jikkonferma li hu ħati. Huwa għamel dan, u żied li issa jaf li dak li għamel kien ħażin.
Għaldaqstant, Abubacer instab ħati bl-ammissjoni tiegħu, bil-Qorti ttih il-kastig minimu fid-dawl li ammetta u ma kellux rekord kriminali.