Id-deputat Speaker Claudette Buttigieg ma laqgħetx talba li għamlilha l-Viċi Kap Nazzjonalista David Agius biex titlob lid-deputat Laburista Rosianne Cutajar tirtira diskors li fil-fatt ma qalitx.
It-talba saret wara li l-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg innota d-diskors li għamel Agius meta ħareġ jgħid li l-inċident fatali fl-Imġarr seħħ minħabba nuqqas ta’ ppjanar.
Dr Borg qal li jkun aħjar li Agius jispjega għaliex skont hu l-inċident tal-Ħadd filgħaxija seħħ minħabba nuqqas ta’ ppjanar. Minkejja dan David Agius baqa’ b’fommu mitbuq.
B’reazzjoni d-deputat Rosianne Cutajar akkużat lill-Oppożizzjoni li qed iddawwar f’ballun politiku t-traġedja fl-Imġarr. Kien hawn li Agius għamel point of order u talab lid-deputat Speaker biex titlob lil Cutajar tirtira kliemha.
Hawnhekk intervjena l-whip tal-Gvern Byron Camilleri li sostna li Agius ma jafx x’qed jgħid għax Cutajar imkien ma semmiet xi deputat kif jgħidu l-istanding orders tal-Kamra.
Fil-fatt id-deputat Speaker qablet ma’ dan u qalet li mkien ma semgħet lil Cutajar issemmi xi membru b’ismu u għalhekk irrifjutat it-talba ta’ David Agius.